Il-Knisja u l-Fidi: il-Mara u d-Dgħajsa
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali, fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara
Mara ta’ ħila min isibha?
Tiswa ħafna aktar mill-ġawhar.
Bħal ġifen tal-merkanti,
hi ġġib mill-bogħod ikilha.
Kliem l-għerf għandha fuq fommha,
kliem it-tjieba fuq ilsienha.
Agħtuha mill-frott ta’ xogħol idejha.
Ħa jfaħħruha f’bibien il-belt l-għemejjel tagħha.
Proverbji 31, 10. 14. 26. 31
Wara l-introduzzjoni storika tad-devozzjoni lejn il-patroċinju ta’ San Ġużepp u tal-pittura b’din it-tema li nsibu fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara, illum se nibdew niftħu ftit it-tieqa tal-allegorija ta’ din il-pittura. Ninnutaw li x-xena għandha tifsila trijangulari, bil-figura ta’ San Ġużepp akkumpanjat mill-Bambin fuq u b’San Pietru u figura femminili isfel. Diversi sorsi jikkunsidraw din il-figura bħala xbieha allegorika tal-Knisja, partikolarment meta tqis is-suġġett li din l-opra tittratta. Imma fil-verità, il-mara liebsa bl-abjad—donnha soru—bil-kalċi f’id u ostja fuqha u bis-salib fl-id l-oħra ssegwi iktar l-ikonografija tradizzjonali tar-rappreżentazzjonijiet allegoriċi tal-virtù tal-Fidi.
Mill-banda l-oħra, hija d-dgħajsa nnifisha x-xbieha l-iktar tipika tal-Knisja. Dan insibuh kemm fl-arti paleokristjana u kif ukoll fil-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja. Partikolarment, kienu jinterpretaw il-Knisja mill-perspettiva tal-ġrajja tal-arka ta’ Noè li nsibu fil-Ktieb tal-Ġenesi, bi Kristu, donnu t-tieni Noè, bħala kaptan li jmexxi d-dgħajsa tal-mifdijin fuq il-mewġ tad-dinja.
Irrispettivament minn dak li kellu f’moħħu l-artist, il-Fidi u l-Knisja jmorru flimkien, m’hemmx waħda mingħajr l-oħra. U la hemm fidi vera u lanqas Knisja mingħajr l-Ewkaristija u s-Salib. Kif timmaġinaha l-Knisja? X’inhi x-xbieha li tuża biex tifhem ir-realtà kumplessa tagħha u d-depositu tal-fidi li tiegħu hi ħarriesa? Xi tfisser li l-Knisja-Fidi hija mara, omm, qalbiena fuq il-mewġ?