L-‘avventuri’ ta’ San Ġużepp, tal-Knisja, u tiegħek

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ San Ġużepp Patrun tal-Knisja Universali, fil-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara

Il-Knisja kienet fis-sliem fil-Lhudija u l-Galilija u s-Samarija kollha; kienet dejjem tikber u timxi ’l quddiem bil-biża’ tal-Mulej, u tiżdied fl-għadd bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu.

Atti tal-Appostli 9, 31

Matul dawn il-ġranet ta’ April, il-memorja tal-anzjani tagħna żgur tmur għall-ħerba li kienet saret matul April tal-1942 mill-attakki tal-Luftwaffe waqt it-Tieni Gwerra Dinjija. Kien l-iktar xahar iebes għall-Malta, kemm minħabba fil-kwantità eżorbitanti ta’ attakki—li mmeritawlna l-George Cross għall-qlubija murija—u kif ukoll għax f’dawn l-attakki diversi knejjes qrib żoni militari sefgħu mġarrfa. Din ukoll kienet ix-xorti tal-Knisja Parrokkjali tal-Kalkara fi Triq ir-Rinella ddedikata lill-Patroċinju ta’ San Ġużepp. Minkejja li prattikament intilef kollox, ħlief dak li kien merfugħ fil-kampnar, il-pitturi ġew salvati kollha għax Mons. Mikiel Gonzi—iben dan ir-raħal—ħadhom miegħu Għawdex, fejn kien isqof tad-djoċesi.

Fost il-pitturi li skansaw il-qerda kien hemm il-pittura titulari, xogħol Giuseppe Calì li jġib id-data tal-1898. Meta ġiet mibnija l-Knisja Parrokkjali l-ġdida wara l-gwerra, din il-pittura reġgħet sabet postha bħala kwadru titulari.

Fil-ġimgħat li ġejjin se nkunu qegħdin nieħdu spunti għar-riflessjoni minn din il-pittura proprju għax, meta fis-seklu dsatax, bdiet tiżdied id-devozzjoni lejn San Ġużepp, kien proprju fit-Tielet Ħadd tal-Għid—u wara fl-Erbgħa ta’ qabel it-Tielet Ħadd—li kienet tiġi ċċelebrata l-festa tal-Patroċinju ta’ San Ġużepp. Kien Piju IX li, wara li daħħal din il-festa fil-kalendarju universali, ħatar lil San Ġużepp bħala Patrun tal-Knisja Universali nhar it-8 ta’ Diċembru 1870.

Però hemm raġuni oħra għalfejn se npoġġu quddiemna dan il-kapulavur. Matul Żmien l-Għid fil-quddies naqraw l-‘avventuri’ tal-Knisja tal-bidu riżultat tal-laqgħa ma’ Kristu Rxoxt. Minkejja li Calì għandu kwadru ieħor bl-istess suġġett fil-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur—fejn l-enfasi hi fuq it-titlu ta’ ġieħ lil Ġużeppi, akkumpanjat minn Ġesù u Marija—il-kwadru li nsibu l-Kalkara jirrappreżenta xena allegorika li, kif se naraw, tiftaħ tieqa’ fuq l-‘avventuri’ tal-Knisja matul is-sekli … ‘avventuri’ li tpoġġew taħt il-ħarsa paterna ta’ Ġużeppi li kien jaf xi jfissru l-‘avventuri’ mal-Mulej!

Forsi qabel ma nibdew dan il-vjaġġ, tajjeb tieqaf ftit u tiftakar fl-‘avventuri’ tiegħek bħala Nisrani u fi ħdan komunità. Forsi wkoll l-‘avventura’ tiegħek tixbah xi ftit lil ta’ din il-pittura minħabba l-Gwerra. U ftakar mhux b’nostalġija li tħalli togħma qarsa dwar il-preżent u l-futur, imma ftakar b’dik in-nostalġija li, mela le, iġġelben xi demgħa minn għajnejna—sew jekk ta’ niket u sew jekk ta’ ferħ—imma tagħti qawwa lill-preżent u timla bit-tama l-ħarsa lejn il-ġejjien.