Il-Maġi: Pellegrini tat-Tama

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Adorazzjoni tal-Maġi, Knisja Parrokkjali tan-Naxxar

O Alla, inti llum b’kewkba mexxejt il-ġnus u għarraftilhom lil Ibnek il-waħdieni; fil-ħniena tiegħek agħtina li aħna, li diġà għarafniek bis-saħħa tal-fidi, naslu biex nitgħaxxqu bik wiċċ imb wiċċ fis-sebħ tal-kobor tiegħek fis-sema. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Kolletta tas-Solennità tal-Epifanija tal-Mulej

Hekk kif f’dawn il-ġimgħat niċċelebraw il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Mulej u l-ġrajjiet marbutin ma’ din il-ġrajja fundamentali fl-istorja tal-umanità, il-ħarsa tagħna se ttir lejn il-Knisja Kolleġġjata tal-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija, fejn insibu kwadru li jirrappreżenta l-Adorazzjoni tal-Maġi. Din il-pittura hija waħda mill-aħħar xogħlijiet kbar tal-artist Malti Stefano Erardi (1630–1716), iddatata għall-ewwel snin tas-seklu tmintax.

Din il-pittura Barokka nistgħu ngħidu li hija “inverżjoni”—donnha rifless f’mera—tal-kwadru tal-istess artist u l-istess suġġett fil-Kappella tal-Lingwa Ġermaniża fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, fejn il-maġi narawhom fuq in-naħa tax-xellug tagħna u l-Bambin u l-Madonna fuq il-lemin. Jidher ċar li—kif għamel f’ħafna mill-pitturi tiegħu—Erardi imita b’fedeltà disinn ta’ din ix-xena tal-artist Taljan kontemporanju Carlo Maratti (1625-1713). Minkejja din in-nuqqas ta’ ‘oriġinalità’ u l-uża ta’ elementi ikonografiċi tradizzjonali, xorta waħda dan il-kwadru ta’ Erardi jista’ jilluminana fil-kontemplazzjoni tagħna tal-Epifanija tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem lill-ġnus kollha.

Wieħed minn dawn l-elementi hija t-tradizzjoni li l-maġi kienu ġejjin mit-tliet kontinenti ‘antiki’ u t-tlieta ta’ etajiet differenti biex jenfasizzaw il-ġrajja tal-Epifanija bħala tassew ir-rivelazzjoni ta’ Alla lill-ġnus kollha u ta’ kull żmien. Il-maġi jsiru xbieha tal-homo viator, il-bniedem-vjaġġatur, dejjem għal għonq it-triq. Żgur li għal dawn l-għorrief il-vjaġġ ma kienx terrieq fil-vojt fuq wiċċ l-art jew spedizzjoni lejn postijiet eżotiċi u li jwasslu għal skoperti li jagħmluhom famużi. Għalihom il-vjaġġ kien tfittxija, hekk li fihom l-homo viator huwa espressjoni tal-homo quaerens … żewġ kwalitajiet li jinsġu flimkien il-fibra tal-pellegrin: il-bniedem fil-vjaġġ biex ifittex lil dak li jista’ jqisu b’Sidu u jadurah għax fih jagħraf il-milja tiegħu.

Dawn it-tliet pellegrini tat-tama, bħalna minn fost il-ġnus, la ddarrsu jivvjaġġaw distanzi enormi sabiex isibu s-Sultan imwiegħed, u lanqas iddarrsu mill-vjaġġ lura minn triq oħra minħabba Erodi sabiex jaqsmu t-tama tagħhom li saret fidi fis-salvazzjoni tal-umanità. U t-tradizzjoni tgħidilna li l-vjaġġ ma waqafx hemm. Fl-Historia Trium Regum, miktuba mill-Karmelitan Ġwanni ta’ Hildesheim madwar l-1370, insibu li fi triqthom lura huma bnew kappella fuq l-Għolja ta’ Vaus, fl-Indja, fejn lemħu l-kewkba għall-ewwel darba meta twieled Ġesù. Meta San Tumas mar ixandar l-Evanġelju f’dawk l-artijiet, l-Appostlu sab lil dawn it-tliet slaten, għammidhom, ikkonsagrahom isqfijiet u ħalla t-treġija tal-Knisja f’dak ir-reġjun f’idejhom hekk li huma wkoll saru evanġelizzaturi.

L-istess Ġwanni ta’ Hildesheim jikteb ukoll fid-dettall il-vjaġġ tal-fdalijiet tagħhom sa Kolonja, il-Ġermanja, fejn għadhom meqjuma sal-lum. Dan il-vjaġġ ta’ wara mewthom huwa tfakkira li l-pellegrinaġġ tat-tama jsib il-milja tiegħu fil-laqgħa ma’ Kristu wara mewtna fejn, kif jikteb Benedittu XVI fi Spe Salvi, “is-setgħa qaddisa ta’ mħabbtu tinfidna bħal fjamma, u fl-aħħar tħallina nkunu għal kollox aħna nfusna u b’hekk insiru kollna ta’ Alla” (par. 47). Jalla din l-istess tama timmarka wkoll il-passi tagħna f’din is-sena tal-Ġublew li għadna kemm nibdew biex hekk tasal li ssir marka għal ħajjitna kollha.