Ħalli l-imrar jinbidel f’radd il-ħajr

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Adorazzjoni tal-Maġi, Kon-Katidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

Jiena hu t-Triq, il-Verità u l-Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-Missier jekk mhux permezz tiegħi.

Ġwanni 14, 6

F’dan iż-żmien liturġikament xi ftit stramb fejn, min-naħa l-waħda, b’għaġla kbira se nagħlqu ż-Żmien tal-Milied (minkejja li xorta għadna bit-togħma tal-ħlewwiet u l-festini f’ħalqna) u, mill-banda l-oħra, qegħdin nibku t-telfa tal-Papa Emeritu Benedittu XVI. Sabiex inkunu nistgħu nipproċessaw din it-telfa bla ma ninjorawha, filwaqt li l-ħarsa tagħna tibqa’ fuq Alla li wera ruħu lilna bħala bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, se nħallu l-pittura tal-Adorazzjoni tal-Maġi li nsibu fil-Kon-Katidral, xogħol ta’ Stefano Erardi, tmexxi l-ewwel passi tagħna matul din is-sena ċivili li għadna kemm bdejna, b’attenzjoni partikolari għal dak li hu sabiħ u li għandu l-qawwa jerfa’ l-ħsieb tagħna ’l fuq u jipponta lejn dak li hu s-Sbuħija nnifisha.

Stefano Erardi, bħal ħafna artisti matul is-sekli, f’din il-pittura jirrappreżenta lill-Maġi bħala rġiel ta’ etajiet differenti: iż-żagħżugħ Afrikan, ir-raġel adult bi lħitu u xagħru kannella, kważi faqsi, u l-anzjan qargħi bi ftit xagħar griż u daqna qotnija.

Meta fl-20 ta’ Lulju 1864 infetaħ ir-relikwarju fejn huma miżmuma l-fdalijiet tal-Maġi fil-Katidral ta’ Kolonja, barra reżina tfuħ u faxex qodma magħmulin minn materjal fin ħafna, instabu wkoll fdalijiet ta’ għadam uman li, bil-għajnuna ta’ diversi esperti, ġew organizzati u ffurmati fi tliet skeletri kważi kompluti. U, b’mod partikolari mill-forma tal-kranju, seta’ jiġi stabbilit li skeletru minnhom kien jappartjeni għal żagħżugħ, ieħor għal raġel adult u ieħor għal raġel anzjan.

Għalkemm l-oriġini eżatta ta’ dawk l-iġsma mhijiex magħrufa, ħlief għad-dettalji storiċi dokumentati li se nidlu aktar fil-fond fuqhom fir-riflessjoni li jmiss, jidher ċar li r-rappreżentazzjoni artistika tat-tliet maġi fi stadji differenti tal-ħajja umana tagħhom għandha kemm bażi xjentifika u kif ukoll antropoloġika għax jiġi inkorporat l-bniedem sħiħ fl-istadji kollha tiegħu. Hija wkoll mistoqsija ta’ antropoloġija Nisranija fis-sens li, bħalma l-avventura tal-ħajja bioloġika għandha l-istadji tagħha, hekk ukoll l-avventura tal-mixja wara Ġesù għandha l-istaġuni tagħha. U, f’kull wieħed minn dawn l-istaġuni, il-bniedem irid jitħabat u jsegwi l-Kewkba vera, li hi Kristu, skont lejn fejn qiegħda tieħdu u għal liema għażliet trid twasslu sabiex hekk sa fl-aħħar jasal f’Ġerusalemm tas-Sema li “biex iddawwalha għandha l-glorja ta’ Alla, u l-musbieħ tagħha l-Ħaruf” (Apok 21, 23).

Fit-testment spiritwali tiegħu, il-Papa Emeritu Benedittu XVI iħares lura bi gratitudni lejn il-ħajja tiegħu—xhieda ta’ raġel li fih ix-xjuħija ma saritx imrar frott it-toqol tal-mard u n-nuqqas ta’ saħħa, imma ħalla t-tbatija ġiet mibdula fi gratitudni li tħares lura u tapprezza l-imħabba ta’ Alla f’kull stadju tal-ħajja, anke fil-mumenti diffiċli u ta’ sfida. Lejn l-aħħar jagħmel referenza għall-ħafna ideat jew ideoloġiji teoloġiċi li hu rahom iqumu u jikkrollaw matul is-snin, u jistqarr:

Rajt u nara kif mit-tagħqid tal-ipoteżijiet ħarġet u toħroġ mill-ġdid ir-raġonevolezza tal-fidi. Ġesù Kristu hu tassew it-triq, il-verità u l-ħajja—u l-Knisja, bin-nuqqasijiet kollha tagħha, hi tassew l-ġisem Tiegħu.

Benedittu XVI, Testment Spiritwali, 29 ta’ Ġunju 2006

F’liema stadju ta’ ħajtek wasalt? Hu liema hu l-istaġun ta’ ħajtek, ħalli l-għarfien tal-Mulej bħala “t-Triq, il-Verità u l-Ħajja” iqawwik fil-mixja tiegħek warajh fi ħdan u flimkien ma’ komunità ta’ nies ta’ kull età u imperfetti bħalek. Ħalli d-diżappunti tiegħek jinbidlu f’barka. Ħalli l-fallimenti tiegħek jinbidlu fi grazzja. Ħalli l-imrar jinbidel f’radd il-ħajr.