Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej

It-Tmin Riflessjoni dwar il-pitturi tal-Koppla tal-Bażilika Kolleġġjata ta’ Santa Elena, Birkirkara

Is-slaten ta’ Tarsis u tal-gżejjer jagħtuh ir-rigali,

is-slaten ta’ Saba u ta’ Seba għotjiet iġibulu.

Iqimuh is-slaten kollha,

il-ġnus kollha lilu jaqdu.

Salm 72, 10-11

L-aħħar parti mill-affresk tal-koppla tal-Bażilika ta’ Santa Elena li se ndawru l-ħarsa tagħna lejha hija fejn hemm it-tliet maġi. Bħal Santa Elena, huma wkoll għandhom il-kuruna mxidda fuq rashom, minkejja li r-rakkont tal-Evanġelju skont San Mattew ma jagħmel l-ebda referenza li kienu slaten. Bħalha wkoll ġejjin minn fost il-popli pagani, u bħalha waslu għad-dawl tal-fidi fis-Sultan ta’ Iżrael, tant li għandhom ukoll ir-raġġiera madwar rashom.

F’idejhom il-maġi qed iġorru t-tliet rigali tagħhom, jiġifieri d-deheb, l-inċens u l-mirra. Dawn it-tliet għotjiet huma wkoll stqarrijiet ta’ fidi quddiem Kristu, mhux biss fil-glorja tiegħu imma wkoll fis-Salib Imqaddes tiegħu: fidi fir-regalità tiegħu; fidi fid-divinità tiegħu; fidi fil-misteru tas-salvazzjoni li juri l-glorja kollha ta’ Alla magħmul bniedem permezz tat-tbatija. Għax, tassew, il-misteru tal-inkarnazzjoni u tat-turija tagħha lill-ġnus mhuwiex mifrud mill-misteru tas-Salib. Hekk jistqarr il-Papa San Iljun il-Kbir:

Ma kienx hemm raġuni oħra sabiex l-Iben ta’ Alla jitwieled għajr biex jissallab mas-salib.

San Iljun il-Kbir, Omelija 48.1 (PL 54.298)

Qatt ħsibt fuq ir-raġuni li għaliha inti twelid? Jistgħu jkunu ħafna u diversi r-raġunijiet umani li wasslu għat-twelid tiegħek, imma ftakar ukoll li f’dan kollu ħadmet il-providenza ta’ Alla sabiex fik tiġi murija l-glorja kollha tiegħu: mhux biss permezz tad-dinjità tiegħek bħala wild mifdi li ssaltan miegħu, imma wkoll permezz tat-tbatija tiegħek, jekk tagħraf tgħaqqadha mas-Salib tal-Feddej.

Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.