Dak li rajna b’għajnejna, jiġifieri l-Verb tal-ħajja

Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u li messew idejna, jiġifieri l-Verb tal-ħajja, dan sejrin inxandrulkom. Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu. U qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

1 Ġwanni 1, 1-4

Fuq nett ta’ erbgħa mill-affreski nsibu rraffigurati t-Tnax-il Appostlu (il-Ħdax u San Pawl), fuq l-istess livell fejn hemm Marija, Ġużeppi, Ġwanni l-Battista u l-ġenituri ta’ Marija u ta’ Ġwanni. Li kieku l-pittura tidher linja sħiħa ċatta, l-Appotli jidhru sitta fuq il-lemin u sitta fuq ix-xellug ta’ Kristu. Imma fil-forma ċirkulari tal-koppla, bħal donnhom jiffurmaw nofs tond faċċata ta’ Kristu. Bħalma fl-Apokalissi, it-Tnax il-Appostlu tal-Ħaruf huma l-pedament li fuqhom hija msejsa Ġerusalemm tas-sema (Apok 21, 14), hekk ukoll, f’dan ix-xogħol tal-bidu tas-seklu għoxrin, l-appostli donnhom qed iżommu fuqhom il-firmament tas-sema fejn hemm il-glorja tal-Missier.

Tassew, wara li xorbu l-kalċi li xorob minnu l-Imgħallem, huma wkoll poġġew fuq il-lemin u x-xellug tiegħu fil-glorja. Imma din il-glorja setgħu jiksbuha biss għax Alla xxejjen mill-glorja tiegħu sabiex huma setgħu jħarsu lejh u jterrqu miegħu. U, wara r-ritorn tiegħu għand il-Missier, huma terrqu bħalu biex ixandru l-aħbar it-tajba li Alla huwa Għimmanu-el, Alla magħna (ara Is 7, 14; Mt 1, 23).

Aħna u nfakkru meta Alla sar laħam u għammar fostna, fl-ottava tal-Milied niċċelebraw ukoll il-festa tal-Appostlu Ġwanni li lilu hu attribwit ir-Raba’ Evanġelju fejn insibu din l-istqarrija ta’ fidi (Ġw 1, 14). Lilu wkoll hu attribwit il-kliem li deher iktar ’il fuq dwar il-konkretezza tal-inkarnazzjoni. Jalla bħal dan l-Appostlu, inti wkoll tista’ tgħid li qed tagħti xhieda għal dak li ltqajt miegħu b’mod personali u ħallejtu jidħol f’ħajtek u jaqlibha ta’ taħt fuq sabiex iwassalha għall-milja tagħha.

Ħajr lil Daniel Cilia għar-ritratti.