Il-Qamar Jittawwal

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tar-Rgħajja

“Ħlift bi qdusiti darba għal dejjem,

żgur li b’David ma nqarraqx.

Nislu għal dejjem jibqa’;

it-tron tiegħu bħax-xemx quddiemi.

Bħall-qamar jibqa’ għal dejjem;

it-tron tiegħu aktar sod mis-sema.”

Salm 89, 36-38

L-arazz li qed jakkumpanjana fil-mixja tagħna tal-Avvent, li jirrappreżenta l-Adorazzjoni tar-Rgħajja, huwa ispirat minn rappreżentazzjonijiet differenti tal-istess suġġett minn idejn l-artist Peter Paul Rubens. Però ħaġa li hija partikolari għal dan l-arazz li jifforma parti mill-kollezzjoni kkummissjonata mill-Gran Mastru Perellos hija li fid-daħla tal-istalla fis-sema nistgħu nilmħu l-qamar b’fattizzi antropomorfiċi—jidhru pjuttost ċari l-għajnejn u l-imnieħer—li tistħajlu qiegħed jittawwal mill-għoli u d-distanza tiegħu fuq dak li kien qed jiġri hemm ġew.

Jekk irridu, bi ftit immaġinazzjoni, nistgħu nistħajlu li anke l-kurżità tal-qamar tqanqlet wara d-dehra fis-sema ta’ għadd kbir ta’ qtajja’ ta’ anġli, ilkoll ifaħħru lil Alla u jgħidu: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u sliem fl-art lill-bnedmin li jogħġbu lilu!” (ara Mt 2, 13-14). Forsi l-qamar qed iħares mgħaġġeb lejn Dak li f’dak il-lejl idda iktar minnu, kif tindika d-dija li tixgħel ix-xena fl-istalla permezz ta’ tiċrita fis-sħab, minn fejn jixirfu wkoll xi puttini. Forsi wkoll hu xi ftit perpless, miskin, u jixtieq jifhem dan il-misteru ta’ kobor miġbur fiċ-ċokon ta’ daqsxejn ta’ tarbija li l-bikja tagħha kisret skiet il-lejl tas-sekli darba għal dejjem.

Xi jsaħħrek? Xi jqanqallek il-kurżità tiegħek? Il-fidi tiegħek hi kurjuża jew hija indifferenti—u allura mhi fidi xejn? Biex tistagħġeb? Jew tħoss li d-‘dawl’ tiegħek innifsek hu biżżejjed u tikkuntenta bil-medjokrità meta hemm dawl aqwa li jkeċċi kulma hu dlam?