Il-Ward bla Xewk
Il-Ħames Riflessjoni dwar l-Apoteosi ta’ San Franġisk fil-Knisja tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali, il-Belt Valletta
Salib, sinjal ta’ mħabba,
int l-aqwa fost is-siġar;
m’hemmx oħra tixbah lilek
fil-frott, fil-ward u l-werqa!
O msiemer, għuda ħelwa,
x’piż ħelu rfajtu fuqkom.
Venantius Fortunatus, Pange Lingua
Motif li forsi mhux mill-ewwel jolqot l-għajn f’din il-pittura huwa l-girlanda tal-ward, b’mod partikolari f’idejn il-puttini taħt Ġesù u Marija, imma wkoll f’id l-anġlu li hemm ħdejn San Franġisk, u f’forma ta’ pjanta wara l-istruttura arkitettonika, fin-naħa ta’ isfel.
Il-preżenza ta’ dan il-motif floreali mhijiex b’kumbinazzjoni imma hija marbuta mal-ħajja ta’ dan il-qaddis. Barra l-Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli—li fiha hemm il-Porzjunkola—hemm ġnien imsejjaħ il Roseto, jew Ġnien il-Ward. F’dan il-ġnien tikber speċi ta’ warda endemika: warda mingħajr xewk li l-isem xjentifiku tagħha huwa Rosa Canina Assisiensis. Skont tradizzjoni li tmur lura diġà għal tmiem is-seklu tlettax, lejl minnhom f’dan il-post San Franġisk inxteħet għarwien jittrembel qalb l-arbuxelli sabiex jissielet mad-dubji u t-tentazzjonijiet, u biex ma jferuhx minn dakinhar dawn il-pjanti nbidlu f’ward mingħajr xewk.
Huwa faċli li meta tħares lejn il-warda tinsa li tisponta minn qalb ix-xewk. U, meta niftakru, noħolmu f’dinja ideali fejn il-ward jikber mingħajr xewk. Imma li tkun taf li fuq wiċċ l-art teżisti roqa tal-ġenna fejn dan il-miraklu jseħħ inissel tama: tama li x-xewk għandu valur għax huwa minnu li twarrad is-sbuħija tal-warda—tama li mhijiex ottimiżmu fieragħ imma xewqa ġenwina li t-tajjeb jirbaħ fuq il-ħażin, il-fidi fuq id-dubji, il-qawwa fuq it-tentazzjoni. Jalla t-tama tagħna ma tkunx idealiżmu fieragħ jew rassenjazzjoni miskina, imma tkun ankrata f’Ġesù li rebaħ fuq l-għollieq tad-dnub u tana l-possibbiltà li, bħalu, fl-aħħar taż-żmien, inwarrdu għall-ħajja ta’ dejjem mingħajr xewk.