Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!
Id-Disa’ Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun
Inti ma tridx li għemil l-Għerf tiegħek ikun għal xejn;
għalhekk il-bnedmin jafdaw ħajjithom fuq għuda dgħajfa,
u jaqsmu, qawwijin u sħaħ, imwieġ kbar fuq ċattra.
Hekk ukoll, meta kienu qegħdin jinqerdu l-ġganti l-kbar,
fuq dgħajsa skansat it-tama tad-dinja
u, immexxija minn idek, ħalliet lid-dinja żerriegħa ta’ nisel ġdid.
Imbierka l-għuda li biha jsir il-ġid!
Ktieb tal-Għerf 14, 5-7
Nagħlqu din is-sensiela pjuttost twila dwar l-apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss taż-Żejtun billi nħarsu lejn l-aħħar personaġġ li fadal nirriflettu dwaru, li l-ġrajja tiegħu hija xbieha kemm tal-mewt u kif ukoll tal-qawmien.
Imrekken bejn il-pedestall bis-simboli tal-passjoni u tal-Evanġelisti u l-figura tal-Profeta Isaija, nilmħu lil Noè bi ktieb miżmum f’idu x-xellugija, l-arka maġenbu u l-qawsalla fuqha. Ir-rakkont ta’ dilluvju universali nsibuh f’diversi kulturi, mhux biss f’dik Ġudeo-Kristjana. Forsi d-differenza hija li Alla ma jitlifx il-fiduċja għal kollox fit-tjubija tal-bniedem għax Alla ordna lil Noè biex jibni arka għalih, għal familtu, u għall-ħlejjaq ħajjin l-oħra, sabiex permezz tagħha ma tinqeridx iż-żerriegħa tal-ħajja hekk li, meta l-art tinxef, il-ħajja tkun tista’ tibda—jew aħjar, tkompli—mill-ġdid.
Anke f’dan ir-rakkont, hija l-għuda li toffri tama ta’ salvazzjoni. Filwaqt li ma nafux eżatt ta’ liema tip ta’ njam kienet l-arka għax il-kelma li tintuża nsibuha darba biss fil-Bibbja, il-kelma għal “arka”—תֵּבָה (tebah)—tintuża f’żewġ kuntesti li t-tnejn jimplikaw salvazzjoni: l-arka ta’ Noè, u l-qoffa midluka wkoll biż-żift li fiha tpoġġa Mosè biex seta’ jsalva mill-ordni qattiel tal-Fargħun. Interessanti wkoll li probabbilment din il-kelma hija mislufa mill-għerq Eġizzjan t-b-t, li jfisser kemm qoffa u kif ukoll tebut (kelma li fil-Malti għandha l-istess għerq).
Hekk kif se nkomplu l-vjaġġ tal-ħajja fid-dawl tal-qawmien, jeħtieġlek tagħżel l-għuda li fuqha se tkompli ssalpa sakemm tasal sal-port tas-salvazzjoni. Faċli ma titlaq qatt mill-port komdu fejn tinsab, imma hemmhekk l-għuda ssirlek tebut li fih tindifen ħaj. Ironikament, biex issalva, trid tkun lest toħroġ fil-baħar fond u ta’ spiss imqalleb. Imma r-riħ tal-Ispirtu qiegħed ukoll jonfoħ fi qlugħek sabiex l-għuda tiegħek tkun qoffa u arka ta’ salvazzjoni. X’se tagħżel?