Ir-Rgħajja jaduraw

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Adorazzjoni tar-Rgħajja

F’dawk l-inħawi kien hemm xi rgħajja fir-raba’, għassa mal-merħla tagħhom billejl. U dehrilhom anġlu tal-Mulej, il-glorja tal-Mulej iddiet madwarhom, u qabadhom biża’ kbir. Iżda l-anġlu qalilhom: “Tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum, fil-belt ta’ David, twildilkom Salvatur, li hu l-Messija, il-Mulej. U bħala sinjal ikollkom dan; issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.”

Luqa 2, 8-12

Hekk kif iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied hija daqshekk fil-qrib, jixraq li issa niffukaw fuq il-personaġġi li jagħtu l-isem lil din ix-xena: ir-rgħajja li emmnu l-kelma tal-anġlu u ġew biex iqimu l-Messija mwiegħed. Din il-parti tax-xena tidher tassew ċara fil-pittura ta’ Peter Paul Rubens li llum tinsab fil-Mużew tal-Arti ta’ Rouen, fi Franza.

Peter Paul Rubens, L-Adorazzjoni tar-Rgħajja, Mużew tal-Arti ta’ Rouen, Franza

Huwa ferm sinifikanti li Alla jagħżel lil dawk li kienu skart tas-soċjetà biex ikunu minn tal-ewwel biex jirċievu l-aħbar tal-miġja tiegħu fostna u jadurawh. Imma l-qagħda ta’ adorazzjoni li tistqarr ix-xejn tagħha quddiem il-kollox ta’ quddiemha hija l-qagħda proprja li għandu jkollna quddiem il-misteru tal-Inkarnazzjoni. Din il-qagħda ta’ adorazzjoni umli tidher l-iktar bil-pożizzjonijiet tal-persunaġġi: min għarkupptejh, min bil-kappell imneżża’ u miżmum fl-idejn, u min inklinat ’il quddiem.

U dawn l-irġiel u nisa ma ġewx idhom f’idhom imma ġabu magħhom dak li kien għad-dispożizzjoni tagħhom u li seta’ jkun ta’ użu għal din il-familja: prodotti tal-annimali, bħall-bajda li tpoġġi fil-maxtura ħdejn Ġesù l-mara għarkupptejha u t-tajra tajba għall-ikel ħdejha; bixkilla b’xi ċraret jew forsi ħwejjeġ; il-ħorġa tar-ragħaj u ż-żaqq tal-ilma li kienu kulma kellu għax ġie jħaffef b’ta’ fuqu senduqu. Anke l-adorazzjoni hekk timxi: mhijiex biss ġesti u kliem imma hija wkoll offerta; għotja totali ta’ dak kollu li aħna u għandna; disponibbiltà għall-pjan u l-ħidma ta’ Alla fid-dinja. Dan hu l-mod kif qalbna tista’ tkun tassew maxtura li fiha jista’ jitwieled u jitbennen Kristu, u miegħu jbennen f’qalbna tant oħrajn li huma bil-għatx biex iduqu mill-hena ta’ Alla li jsir tarbija għalina …