Il-Ktajjen

It-Tielet Riflessjoni fuq il-Pittura tal-Laqgħa ta’ San Pietru u San Pawl

Ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David, skont l-Evanġelju li ħabbart jien. Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta.

(2 Tim 2, 8-9)

Għalkemm timxi ħafna fuq il-linji ikonografiċi tal-laqgħa aħħarija bejn San Pietru u San Pawl, f’din il-pittura dawn iż-żewġ appostli ma jistgħux jgħannqu lil xulxin għax idejhom huma marbutin. Interessanti l-fatt li, filwaqt li jdejn Pietru huma fil-ktajjen, idejn Pawlu huma marbutin b’ħabel—forsi biex l-artist joħloq distinzjoni bejniethom billi Pawlu kien ċittadin Ruman filwaqt li Pietru ma kienx. Lil hinn minn din id-distinzjoni, Pawlu jirreferi għadd ta’ drabi fl-ittri tiegħu għalih innifsu bħala dak li jinsab marbut fil-ktajjen.

Il-ktajjen jixhdu n-nuqqas ta’ libertà biex dawn l-appostli setgħu jkomplu l-ħidma tax-xandir tal-Kelma. Fl-istess waqt, hemm l-għarfien li dawn il-ktajjen qegħdin fihom minħabba fil-Mulej. U għalhekk, paradossalment, il-ktajjen saru sinjal tal-libertà nisranija. Mhux ta’ b’xejn li, fil-bidu tal-ittra tiegħu lill-Filippin, San Polikarpu jikteb li l-ktajjen huma

“tiżjin jixraq lill-qaddisin, u lil dawk li huma tassew il-magħżulin ta’ Alla u ta’ Sidna Ġesù Kristu”

(Epistola ad Philippenses 1) 

Hemm kuntrast bejn il-ktajjen tal-jasar u l-ktajjen li huma konsegwenza ta’ għażla mill-iktar libera. Fl-era moderna, li tenfasizza ħafna l-libertà u l-awtonomija, il-kliem tal-filosfu Franċiż Jean Jacques Rousseau jikseb qawwa profetika:

“Il-bniedem jitwieled ħieles u hu mdawwar minn kullimkien bil-ktajjen.”

Jean Jacques Roussau

Filwaqt li nitlob għal dawk li huma mċaħħda mil-libertà tagħhom minħabba l-fidi, il-ktajjen ta’ Pietru u Pawlu jnisslu fija l-mistoqsija dwar dak li nħossu l-iktar li ijassarni fil-ħajja tiegħi, dak li jisraqli l-libertà jew li nħossu jżommni maqful u ma nistax noħroġ. Nitlob il-grazzja li dan stess isir għajn ta’ ħelsien u post fejn inġarrab il-grazzja ta’ Alla fil-ħajja tiegħi.