It-Toqol u l-Glorja tas-Salib
It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Kruċifissjoni, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Waqt li l-Knisja tfakkar il-Passjoni tal-Mulej fil-kontemplazzjoni tal-imħabba kollha tbatija ta’ Sidna Ġesù Kristu, tistedinna nsellmu lis-Salib Imqaddes bħala t-tama waħdanija tagħna.
Edith Stein: Vita, Dottrina, testi inediti (Roma, 1987), 127-130.
Barra l-dikotomija bejn dawk li jinsabu fuq naħa u fuq oħra tas-Salib, hemm ukoll element ieħor kontradittorju li żgur iġagħalna nieqfu u naħsbu. Interessanti kif in-nisġa ta’ dan l-arazz, fuq imitazzjoni ta’ pittura tal-Belġjan Rubens, tpoġġi fin-nofs tax-xena ħafna rġiel ta’ saħħa—kif turi l-muskolatura mikxufa ta’ numru minnhom—biex jerfgħu għuda u bniedem kważi mgħaddam u bla saħħa mislub miegħu.
Xi ftit tista’ tfakkarna f’dak li jirrakkonta l-Evanġelista Ġwanni meta Ġesù ħareġ jiltaqa’ ma’ dawk li ġew biex jarrestawh billejl fil-Ġnien taż-Żebbuġ: Xħin wasal Ġuda flimkien mal-ġgajta suldati armati, Ġesù mar fuqhom u staqsiehom, “Lil min qegħdin tfittxu?” Għat-tweġiba, “Lil Ġesù ta’ Nazaret,” hu qalilhom, “Jiena hu,”—li tfakkarna fl-isem li Alla jirrivela lil Mose fil-Ktieb tal-Eżodu (3, 14)—u dlonk resqu lura u waqgħu mal-art (Ġw 18, 3-6).
Forsi dan il-kuntrast bejn id-dgħufija qawwija ta’ Ġesù msallab u l-qawwa mbażwra tal-manigoldi jikxef l-istess stqarrija fid-divinità u l-glorja moħbija tal-mislub. Wara kollox, jekk ikollna mmorru għall-kelma ‘glorja’ bl-Ebrajk, כָּבוֹד (kawbod), din ġejja mill-verb כָּבַד (kabad) li jirreferi għal xi ħaġa li hi tqila jew ta’ piż—u allura ta’ valur ogħla.
“Meta terfgħu ’l fuq lil Bin il-bniedem, imbagħad tagħrfu li jiena hu u li minn rajja ma nagħmel xejn, imma li nitkellem skont ma għallimni l-Missier.”
Ġwanni 8, 28
Mhux ta’ b’xejn li Kristu jistedinna biex nersqu lejh għax il-madmad tiegħu ħelu u t-toqol tiegħu ħafif: id-differenza tkun jekk nilqgħux il-piż ħelu bi stqarrija ta’ fidi fil-glorja tal-Imsallab sabiex hekk niksbu s-salvazzjoni, jew jekk nibqgħux mgħaffġin ma’ dawk li sallbuh u rrifjutawh minkejja li Alla għamlu Mulej u Messija (ara Atti 2, 36). Fl-aħħar mill-aħħar, hija għażla bejn ħelsien jew jasar, bejn li nsaltnu miegħu fil-glorja jew nippruvaw insaltnu għal rasna b’telfien għalina.