Iż-żgħożija ta’ Ġużeppi minn Arimatija u Nikodemu jilgħab noli

It-Tieni Riflessjoni dwar tad-Depożizzjoni ta’ Kristu fil-Knisja ta’ Lapsi, San Ġiljan

Ix-xena tal-inżul ta’ Kristu mis-salib li nsibu fil-Knisja ta’ Lapsi hija mfassla fuq angolu djagonali mil-lemin tan-naħa ta’ fuq għax-xellug tan-naħa ta’ isfel, hekk li l-figuri huma kollha mifruxa fit-trianglu tal-lemin. F’din it-taqsima nsibu diversi figuri. Wara ta’ Kristu, waħda mill-iktar prominenti hija dik ta’ Ġużeppi minn Arimatija li, kemm fl-Evanġelju skont San Mattew u kif ukoll dak skont ta’ Ġwanni, talab il-permess mingħand Pilatu sabiex ikun jista’ jieħu l-ġisem ta’ Ġesù u jidfnu fil-qabar ġdid tiegħu (Mt 27, 57-60; Ġw 19, 38-42).

L-artist jippreżentalna lil Ġużeppi li, minkejja d-dehra anzjana tiegħu, xorta waħda qed jgħin sabiex il-katavru tal-Iben ta’ Alla jitniżżel mis-salib, kważi kważi qed jieħu l-piż fuqu. Minkejja li kien raġel għani, kif jgħidilna San Mattew, ma ddejjaq xejn ixammar il-kmiem sabiex il-ġisem tal-Imgħallem li mar għandu bil-moħbi tingħatalu difna mistħoqqa.

Interessanti l-kuntrast bejn ix-xjuħija felħana ta’ Ġużeppi u ż-żogħżija bla ħajja ta’ Kristu. Dan il-kuntrast ifakkarni xi ftit fil-kuntrast bejn il-ġenerazzjonijiet ikbar u l-ġenerazzjonijiet iżgħar fis-soċjetà. L-anzjani u dawk ta’ età matura għexu ħajja li, minkejja l-isfidi kbar, il-limitazzjonijiet ta’ riżorsi, u ħafna sagrifiċċji, għad għandhom dik is-saħħa u żgħożija interjuri li tagħmilhom reżiljenti u b’saħħithom biżżejjed biex iġorru l-piż tal-problemi, mhux biss tagħhom personali imma wkoll ta’ wliedhom u wlied uliedhom. Mill-banda l-oħra, il-ġenerazzjonijiet iżgħar, minkejja li l-ħajja saret sa ċertu punt iktar faċli b’diversi avvanzi fix-xjenza u t-teknoloġija, xorta waħda huma bla nifs u kważi diġà tilfu il-ferħ u s-sabiħ tal-għixien—dik li l-filosfu kontemporanju Byung-Chul Han issejħilha the burnout society.

Dettall ieħor li nsibuh biss fil-pittura ta’ Lapsi u mhux fil-kopji l-oħra huwa l-wiċċ skur li hemm ftit ’il fuq minn ras Ġużeppi, bejn Kristu u r-raġel li qed iniżżlu mis-salib. Filwaqt li diffiċli tgħid wiċċ min hu, wieħed jista’ jispekula li hu wiċċ Nikodemu li ma tantx xtaq jinkixef li hu dixxiplu tal-Mulej hekk li jmur jiltaqa’ miegħu bil-moħbi, minkejja li ħareġ ftit għonqu għalih waqt laqgħa tas-Sinedriju (Ġw 7, 50) u issa, fil-mument tad-difna, meta jiġi b’taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra (Ġw 19, 39)—kwantità li tixraq lil difna ta’ Sultan, hekk li tkompli tenfasizza r-regalità ta’ Kristu bħal fil-bqija tar-rakkont tal-passjoni skont San Ġwann, imma kwantità wkoll li tixhed li ma kienx hemm fidi fil-qawmien tal-Mulej.

Bħal dawn iż-żewġ dixxipli, kultant aħna wkoll nippreferu li nkunu dixxipli bil-moħbi. Imma issa iktar minn qatt qabel jeħtieġ li nkunu lesti noħorġu għonqna għall-verità mingħajr tonalitajiet li jfakkruna fi żmien il-kruċjati, u, fuq kollox, lesti li nxammru l-kmiem u attenti sabiex naqdu lil ħutna. Hekk biss tista’ tibqa’ mimlija ħajja ruħna—bl-imħabba—u ma tmutx qabel ma jmut il-ġisem.