Jien nadurak bil-qima

It-Tielet Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla

Jien nadurak bil-qima, Alla, li tinsab

moħbi hawn quddiemi taħt dawn ix-xbihat,

lilek qalbi kollha hawn f’riġlejk nagħtik;

meta naħseb fuqek ħsiebi nitlef fik.

San Tumas ta’ Aquino, Jien Nadurak bil-Qima

Fil-felli tal-lemin tal-apsidi naraw anġlu ieħor qiegħed iżomm girlanda bil-fjuri f’idu u maġenbu fuq is-sħab għandu sfera bl-Ewkaristija fiha. Din il-pittura tfakkarna fil-kontinwità tal-preżenza tal-Mulej fl-ispeċi Ewkaristiċi anke wara li tintemm il-quddiesa. Imma wkoll tfakkarna f’aspett importanti ħafna taċ-ċelebrazzjoni u l-qima tagħna: l-adorazzjoni. L-adorazzjoni hija intrinsika għaċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika. Hija l-qagħda fundamentali tal-bniedem quddiem Alla, tal-ħlejqa quddiem il-Ħallieq ta’ kollox. Kif jikteb Santu Wistin fil-Kummentarju tiegħu fuq is-Salmi:

Għax hu mexa hawn f’dan il-laħam, u tana l-istess laħam sabiex nikluh għas-salvazzjoni tagħna; u ħadd ma jiekol dan il-laħam mingħajr ma jadurah l-ewwel; nidinbu jekk ma nadurawhx.

Santu Wistin, Ennarationes in Psalmos 98.9 (PL 37.1264)

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II wkoll jikteb hekk fl-ittra tiegħu għal Ħamis ix-Xirka tal-1980:

Il-Knisja u d-dinja jeħtieġu ħafna l-qima ewkaristika. Ġesù jistenniena f’dan is-sagrament tal-imħabba, ma niċħdulux iż-żmien li rridu biex immorru niltaqgħu miegħu fl-adorazzjoni u l-kontemplazzjoni, mimlijin bil-fidi u lesti npattu għall-ħtijiet kbar u għad-delitti tad-dinja. Jalla ma tiġi nieqsa qatt l-adorazzjoni tagħna.

San Ġwanni Pawlu II, Ittra Dominicae Cenae (1980), par. 3

Sib ftit ħin sabiex fis-skiet tadura lill-Mulej preżenti fis-skiet fl-Ewkaristija.  U ħalli dan il-ġest jifforma l-qagħda u l-attitudni ta’ ħajtek kollha.