Jiena hu Dak li hu
Ir-Raba’ Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi
O kobor, o Trinità eterna, o baħar bla qiegħ, x’tista’ tagħtini aktar minnek innifsek? Int nar dejjem iħeġġeġ bla qatt ma jintemm! Int nar li bis-sħana tiegħek teqred fir-ruħ kull imħabba tagħha nfisha! Int nar li teqred kull kesħa! Bid-dawl ta’ dan in-nar, dawl li bih jien għaraft il-verità tiegħek, inti ddawwal il-fehma ta’ kull bniedem.
Santa Katerina ta’ Siena, Djalogu fuq il-Providenza ta’ Alla, Kap. 167
Hekk kif ix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju wasal fi tmiemu u ser niċċelebraw is-Solennità tal-Qaddisin kollha, ser nikkontemplaw il-figura ta’ waħda mill-qaddisin li nsibu f’dan il-kwadru. Filwaqt li fuq il-lemin il-komunikazzjoni hija bejn il-Madonna u San Duminku, fuq ix-xellug għandna l-ħarsa ta’ Ġesù tarbija li tiltaqa’ ma’ dik ta’ Santa Katerina ta’ Siena, Verġni u Duttur tal-Knisja li għexet bejn is-snin 1347 sa 1380. Fil-pitturi, din il-mistika tidher irrappreżentata liebsa l-ilwien iswed u abjad, tipiċi tad-Dumnikani, appuntu għax ta’ età żgħażugħa ħafna ssieħbet mat-Terzjarji Dumnikana (imsejħin “Mantellate”). Karatteristika oħra fl-ikonografija li tiddistingwi lil Santa Katerina hija li f’idejha għandha l-ġilji u s-salib—simbolu tas-safa li ħaddnet f’ħajjitha u t-twaħħid tagħha mas-salib tal-Għarus tagħha rispettivament. Santa Katerina tirrakkonta li, f’waħda mid-dehriet tagħha, waqt li kienet qiegħda titlob, Ġesù qalilha:
“Taf, binti, min inti int u min jiena jien? Jekk taf dawn iż-żewġ ħwejjeġ, hienja int. Inti dik li m’intix; filwaqt li jiena hu Dak li hu.”
Fil-preżenza tal-Mulej, agħraf li hu tassew Dak li hu, u inti xejn—mhux bi qtigħ il-qalb jew b’umiltà falza, imma għax hu biss f’dan l-għarfien li jinkiseb il-ħelsien veru. Hu biss bil-ħarsa tal-Mulej fuqek li tista’ mbagħad tilħaq dak li bi grazzja tiegħu tak li tkun.