Warda qalb ix-Xewk

It-Tielet Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi

Għolejt bħal palma f’Għajn-geddi,

u bħal xtieli tal-ward f’Ġeriko;

bħal żebbuġa l-ġmiel tagħha f’wita,

u bħal dolf għolejt.

Jien omm l-imħabba safja,

il-biża’ u l-għerf u t-tama qaddisa.

Ersqu lejja intom li tixtiquni,

u mtlew bil-frott tiegħi.

Bin Sirak 24, 14. 18-19

Taħt riġlejn il-Madonna nsibu żewġ puttini, wieħed iġorr ċestin mimlija ward u l-ieħor b’ġilju abjad—żewġ fjuri li tnejn huma assoċjati ma’ Marija. Il-ġilju, kif anke ġie mfisser fid-deskrizzjoni dwar Santa Katerina ta’ Siena, huwa simbolu tas-safa u l-verġinità.

Il-ward huwa assoċjata ma’ Marija minħabba s-sbuħija tagħha imma wkoll għax hija simbolu ta’ tama appuntu għax il-ward jikber qalb ix-xewk. Din l-assoċjazzjoni tal-ward ma’ Marija hija waħda antika. Fost l-oħrajn, insibuha fit-Tieni Għanja tal-Għid tal-poeta Sedulius li għex fil-ħames seklu, fejn jippreżenta dan bħala xbieha li minn nisel Marija twieldet Eva (Carmen paschale II, 28-31). Anke Dante Alighieri, fit-tlieta u għoxrin Canto tal-Paradiso, ifaħħar lil Marija bħala l-warda li fiha l-Verb ta’ Alla sar laħam (vv. 73-74).

Imma l-warda (rosa bil-Latin) hija wkoll marbuta mal-oriġini tal-kelma “rużarju” (rosarium), li litteralment tfisser ġnien ta’ ward. F’xi leġġendi medjevali, kull Sliema hija assoċjata ma’ warda li tintiseġ f’girlanda lil Marija. U tassew, f’din il-pittura, il-puttin biċ-ċestin f’idejh bħal donnu qed jilqa’ l-ward li qed jiġi mwaddab minn iktar ’il fuq minn puttin ieħor li qiegħed iżomm wieħed mill-medaljuni bix-xeni tal-Misteri. Mhux ta’ b’xejn li, fl-innu proprju għat-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum u l-Għasar fit-tifkira tal-Madonna tar-Rużarju nhar is-7 ta’ Ottubru, il-Knisja tgħanni:

Ersqu, popli, ejjew aqtgħu

minn dil-ġabra ta’ misteri

ward ifuħ: insġuh f’kuruna

lil Marija Marija, Omm l-imħabba.

Filwaqt li l-preżenza ta’ Marija magħna tfakkarna li Alla tassew hu kapaċi joħroġ il-ward mix-xewk—anke fil-ħajja tagħna—bl-interċessjoni tagħha nitolbu l-grazzja li aħna wkoll inwasslu l-fwieħa ta’ Kristu kullimkien (ara 2 Kor 2, 15) sabiex hekk, bħalha, niġbdu l-erwieħ lejh.