Misteri li jikxfu Wiċċ Kristu

It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi

Ladarba, l-aħwa, għandna l-fiduċja li nidħlu fis-Santwarju bis-saħħa tad-demm ta’ Ġesù billi ngħaddu mit-triq, ġdida u ħajja, li hu fetħilna ’l ġewwa mill-velu, li hu l-ġisem tiegħu stess; u ladarba għandna dan il-qassis il-kbir imqiegħed fuq il-familja ta’ Alla, ejjew nersqu b’qalb sinċiera u b’fidi sħiħa, bi qlubna mnaddfin minn kuxjenza ħażina u l-ġisem tagħna maħsul b’ilma safi.

Lhud 10, 19-22

Fin-naħa ta’ fuq din il-pittura tal-Madonna tar-Rużarju, l-anġli qegħdin iżommu mdendlin f’posthom ħmistax-il misteru tar-Rużarju, jiġifieri dawk tal-Ferħ, tat-Tbatija u tal-Glorja (il-misteri tad-dawl ma ninsewx li ġew introdotti fl-2002 minn San Ġwanni Pawlu II). Dawn il-ħmistax-il medaljun mdommin flimkien b’żigarella ħamra bħal donnhom jifformaw pavaljun fuq Marija u l-Bambin, simili għall-purtieri mdendla li nsibu f’xi santwarji fuq ix-xbihat ta’ Marija. Minflok hija purtiera li tostor, dawn iktar jikxfu l-misteru għax f’kull xena ċkejkna għandna leħħa li ddawwal l-għarfien tagħna tal-misteru tal-inkarnazzjoni u tal-fidwa. Il-Papa Piju XII f’ittra lill-Arċisqof ta’ Manila, il-Filippini, jiddeskrivi r-Rużarju bħala “taqsira tal-Evanġelju kollu” (AAS 38 [1946], 419). U dan għaliex, kif ifisser San Ġwanni Pawlu II dwar Marija:

It-tifkiriet ta’ Ġesù minquxa f’qalbha baqgħu dejjem magħha u wassluha biex tgħix il-mumenti differenti ta’ ħajjitha qrib Binha. Kienu dawn it-tifkiriet li, f’ċertu sens, sawru ‘r-rużarju’, li Hi stess kienet tgħid  matul il-ġranet ta’ ħajjitha fuq din l-art.

U llum ukoll,  fost l-għana  ferrieħi ta’ Ġerusalemm tas-sema, ir-raġunijiet tagħha ta’ radd il-ħajr u tifħir baqgħu l-istess. Dan juri l-imħabba tagħha ta’ omm għall-Knisja pellegrina, li fiha għadha qed twassal l-esperjenza personali tagħha tal-Bxara t-Tajba.  Marija bla heda tpoġġi ‘l-misteri’ ta’ Binha quddiem għajnejn dawk li jemmnu u tixtieq li dawn ikunu kkontemplati ħalli minnhom toħroġ il-qawwa kollha tas-salvazzjoni.

Rosarium Virginis Mariae, par. 11

Aħna u nħallu lil Marija tħabbrilna l-bxara t-tajba permezz tar-Rużarju, waqt li nitolbu din it-talba u ngħixu kull misteru tal-ħajja tagħna, nitolbu l-grazzja li l-għixien tagħna wkoll issir rivelazzjoni, tħabbira, tal-misteru ta’ Kristu li jsalva.