U mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek Ġesù

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Pittura tal-Madonna tar-Rużarju fil-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi

Sliema għalik, Marija, bil-grazzja mimlija.  Il-Mulej miegħek, imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù.

Fuq l-altar ta’ wieħed mill-kappelluni tal-Kolleġjata ta’ San Ġorġ, Ħal Qormi, insibu pittura taż-żejt fuq tila, minn artist mhux magħruf, li tirrappreżenta lill-Madonna tar-Rużarju. Ħlief għall-moviment tal-anġli, il-pittura hija waħda pjuttost trankwilla bi ftit li xejn moviment, li jirrifletti l-atmosfera ta’ talb u kontemplazzjoni. Fiċ-ċentru ta’ dan il-kwadru nsibu lil Marija bilqiegħda fuq is-sħab u bil-Bambin f’ħoġorha. Il-ħarsa serena u mimlija dija ta’ Marija hija mdawra lejn San Duminku fuq ix-xellug. Il-Bambin qiegħed iħares in-naħa l-oħra, lejn Santa Katerina ta’ Siena. Il-Madonna qiegħda tnewwel il-kuruna tar-Rużarju lil San Duminku b’referenza għat-tradizzjoni li kienet il-Madonna stess li, waqt dehra, tatu t-talba tar-Rużarju biex permezz tagħha jissielet kontra l-ereżija tal-Albiġisi (jew il-Katari). Din kienet ereżija duwalista li tpoġġi kontra xulxin il-materja u l-ispirtu, u allura kienet ukoll tiċħad li Ġesù kellu tassew ġisem bħal tagħna.

Ma’ kull Sliema li ngħidu fir-Rużarju, filwaqt li nkunu qegħdin insellmulha u nitolbuha titlob għalina midinbin, inkunu qegħdin ukoll nagħmlu stqarrija fl-inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla li seħħet fil-ġuf safi tagħha. L-istqarrija tal-inkarnazzjoni timplika wkoll stqarrija fit-tjubija oriġinali tal-ħolqien u fid-dinjità li kiseb il-ġisem tagħna meta Alla sar “bħalna f’kollox minbarra d-dnub” (Lhud 4, 15).

“Meta wieħed jingħaqad ma’ Kristu, isir ħolqien ġdid” (2 Kor 5, 17). Fid-dija tal-figura ta’ Marija, għaraf li inti ġejt maħluq tajjeb u kkontempla l-ħolqien ġdid li fih ġejt mibdul fil-magħmudija. Itlob il-grazzja lill-Mulej sabiex jurik fejn qed tħalli l-ħażin jisraqlek minn din is-sbuħija.