Kelma ħajja u qawwija llum
It-Tielet Riflessjoni dwar in-Nawfraġju ta’ San Pawl ta’ Francesco Zahra
Minn irdum għal irdum jidwu
l-ħsejjes qawwija tal-ilmijiet tiegħek;
il-ħalel u l-imwieġ kollha tiegħek
għaddew minn fuqi.
Lejl u nhar il-Mulej jurini l-ħniena tiegħu;
jien ngħanni u nitlob lil Alla l-ħaj.
Salm 42, 8-9
Element ieħor partikolari li Zahra jinkludi fir-rappreżentazzjoni tiegħu ta’ Pawlu hija li, fl-ilbies bil-kuluri tipiċi użati għal San Pawl—jiġifieri aħdar u aħmar—f’ħobbu l-Appostlu għandu ktieb. Fil-mod kif San Pawl jiġi rrappreżentat fl-arti, il-ktieb huwa referenza għal għadd ta’ ittri ta’ dan l-Appostlu li nsibu fit-Testment il-Ġdid, u allura jiffurmaw parti mill-Kelma ta’ Alla ispirata u mgħoddija lilna sa mill-ewwel seklu tal-ħajja millenarja tal-Knisja.
Interessanti kif, fuq il-qoxra ta’ dan il-ktieb min-naħa ta’ ġewwa nistgħu nilmħu wkoll id-data ta’ meta ġie mpitter dan il-kwadru: 1760. Dan il-post fejn tpoġġiet id-data huwa pjuttost partikolari, meta tqis li ġeneralment iktar tkun ’l isfel jew f’xi kantuniera.
Iżda dawn l-elementi artistiċi ftit kurjużi jistgħu wkoll jieħdu tifsira spiritwali. Il-Kelma ta’ Alla, għalkemm hija eterna, tiġi rrivelata fi żmien partikolari permezz tal-profeti, l-appostli, u l-awturi sagri. U l-istess nistgħu ngħidu għat-tħabbira tagħha: il-Kelma ta’ Alla tixxandar kull darba mill-ġdid u b’mod ġdid fi żminijiet u ċirkostanzi differenti. Il-Kelma ta’ Alla u l-verità tagħha jibqgħu l-istess, imma dak li Alla jrid jgħid permezz tal-istess Kelma lill-individwu, lill-komunità, lill-Knisja u lid-dinja huwa affettwat mir-realtajiet storiċi ta’ kull epoka u tad-dispożizzjoni, il-personalità, u l-fażi tal-ħajja tal-persuni.
Il-Kelma li tixxandar lilek tixxandar f’sena partikolari, mhux biss is-sena 2024 imma wkoll is-sena speċifika tal-ħajja tiegħek. Għalkemm il-kuntest oriġinali ma jistax jiġi injorat, meta tiġi mħabbra lilek il-Kelma ta’ Alla, tħalliha tmissek illum u tkellmek dwar il-mument ta’ issa? Hija għalik sempliċi kelma għarfa tal-passat jew Kelma ħajja u qawwija llum, “taqta’ aktar minn xabla b’żewġt ixfar”? Tħalliha “tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet” ta’ qalbek (Lhud 4, 12).