Fl-imħabba kbira li biha ħabbna

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu—bi grazzja intom salvi.

Efesin 2, 4-5

Hekk kif qegħdin nagħtu bidu għaż-Żmien tar-Randan Imqaddes, se nitfgħu l-ħarsa tagħna, illum u fil-ġimgħat li ġejjin, fuq il-pittura tal-apsidi tal-kappellun tal-Kurċifiss tal-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun. Din l-apsidi ġiet impittra minn Ġann Nikol Buhagiar fis-sena 1739, kif insibu indikat mill-artist stess fil-kantuniera ta’ isfel tal-lemin taħt il-Profeta Eżekjel. Is-suġġett ta’ din l-opra tassew teoloġika huwa l-Adorazzjoni ta’ Kristu Mejjet.

It-tifsila ta’ dan ix-xogħol hija waħda ċirkulari, bi Kristu mejjet fin-nofs u dawra tond madwaru nsibu għadd ta’ anġli u puttini fin-naħa ta’ fuq, u numru ta’ profeti u figuri oħra tat-Testment il-Qadim in-naħa ta’ taħt—figuri li lkoll b’xi mod ħabbru jew urew minn qabel il-misteru tal-passjoni tal-Mulej. Kważi kważi, waqt li tħares lejn din ix-xena allegorika, tista’ tistħajjel li qed tisma’ jitkantaw il-versi tat-Te Deum:

Qaddis, Qaddis, Qaddis *

il-Mulej Alla tal-eżerċti.

Is-smewwiet u l-art mimlija *

bil-kobor tas-sebħ tiegħek.

Lilek tfaħħar *

il-ġemgħa glorjuża tal-Appostli.

Lilek ifaħħar *

l-għadd sabiħ tal-Profeti.

Iżda naħseb xejn ma jaqbad il-misteru sħiħ li Buhagiar ipprova jfisser b’dan il-kapulavur, daqskemm il-kelmiet li nsibu miktuba eżatt taħt l-apsidi f’motiv arkitettoniku mpitter fis-sekond’ordni. L-iskrizzjoni—li tgħid, PROPTER NIMIAM CHARITATEM SUAM—tagħtina l-għala ta’ dak kollu li jidher imħabbar u jseħħ fil-pittura. Litteralment u meħud għalih waħdu, dan il-kliem bil-Malti bejn wieħed u ieħor jiġi: minħabba l-imħabba tassew kbira tiegħu. Din il-frażi hija meħuda mit-tieni kapitlu tal-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin, ikkwotata iktar ’il fuq.

Interessanti kif din il-frażi nsibuha magħquda ma’ vers mill-Ittra lir-Rumani (8, 3) fl-antifona tal-Magnificat tal-Ewwel Għasar tas-Solennità ta’ Marija Omm Alla, li tgħid hekk: “Fl-imħabba kbira li biha ħabbna, Alla bagħat lil Ibnu f’sura ta’ ġisem midneb, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, hallelujah.” Din l-għaqda armonjuża tiġbor fi ftit kliem il-pjan sħiħ tas-salvazzjoni mwettaq bl-Inkarnazzjoni u l-Mewt tal-Iben ta’ Alla. U dan kollu għall-imħabba kbira li biha Alla jħobbna!

Inti u tħares lejn din ix-xena, waqt li titħarreġ bis-sawm, it-talb u l-karità f’dan iż-żmien qaddis tar-Randan, żomm kontinwament quddiem għajnejn il-menti tiegħek din l-imħabba eċċessiva ta’ Alla u ħalliha tkun il-motivazzjoni u l-għajn waħdanija li minnha joħroġ kull għemil tiegħek.