Danjel: wieħed ikkonsagrat jinqatel

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Kun af u ifhem,

li minn meta ħarġet il-kelma

biex jerġgħu jiġu u jibnu lil Ġerusalemm

sa ma jasal wieħed ikkonsagrat bħala prinċep,

għad iridu jgħaddu seba’ ġimgħat.

U fi tnejn u sittin ġimgħa

terġa’ tinbena għal darb’oħra,

bil-pjazez u l-fossijiet tagħha;

imma dan jiġri fi żmien ta’ diqa.

U wara t-tnejn u sittin ġimgħa,

wieħed ikkonsagrat jinqatel

għad li ma jkollux ħtija.

Danjel 9, 25-26a

Wara li fl-ewwel riflessjoni ħadna idea ġenerali ta’ dak li Ġann Nikol Buhagiar għaraf jirrappreżenta fil-pittura tal-apsidi tal-kappellun tal-Kurċifiss fil-Knisja taż-Żejtun, illum u fil-ġimgħat li ġejjin se niffukaw fuq il-parti ta’ isfel ta’ dan ix-xogħol u nħallu lil kull figura jew ġrajja tat-Testment il-Qadim tixħet dawl fuq il-misteru tal-passjoni ta’ Kristu.

Jekk inħarsu lejn il-pittura u nibdew mix-xellug tagħna, l-ewwel figura li niltaqgħu magħha hija dik tal-Profeta Danjel. Taħt il-figura bil-qiegħda tal-profeta naraw iljun, li jfakkarna fir-rakkont li nsibu f’kapitlu sitta meta Danjel jisfa’ mitfugħ fil-ħofra tal-iljuni b’ordni tas-Sultan Dariju għax baqa’ jitlob lil Alla l-ħaj. Minkejja dan, l-għada filgħodu s-Sultan isib li Danjel kien għadu qawwi u sħiħ għax “Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq il-ljuni biex ma jagħmluli xejn, għax huwa sab li jiena kont bla ħtija, mhux biss quddiemu, iżda wkoll quddiemek, sultan, għax jien m’għamilt xejn ħażin” (Dan 6, 23). Din l-innoċenza tal-profeta tfakkarna fl-innoċenza tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem li, minkejja li ma kien hemm ebda ħtija fih, xorta waħda bħal ħaruf ġie meħud għall-qatla.

Ħdejn Danjel hemm anġlu li donnu qiegħed jiddjaloga miegħu filwaqt li b’sebgħu ta’ idu x-xellugija qed juri lil Ġesù mejjet. Partikolarment fl-aħħar kapitli ta’ dan il-ktieb profetiku, insibu diversi tħabbiriet li permezz tagħhom Danjel kien mgħarraf il-ġejjieni, minkejja li hu ma kienx se jarah iseħħ. F’kapitlu disgħa nsibu li Gabrijel ġie mibgħut għandu mingħand Alla biex ifiehmu. Fost il-kliem li jgħidlu, insibu l-kliem impitter fuq skroll f’idejn il-profeta: OCCIDETUR CHRISTUS ET NON ERIT EJUS POPULUS QUI EUM NEGATURUS EST. Dan il-kliem (Dan 9, 26) hu meħud mit-traduzzjoni ta’ San Ġrolmu, magħrufa bħala l-Vulgata, u bil-Malti jiġi: Għad jiġi maqtul il-Kristu (jew il-midluk) u l-poplu li għad jiċħdu ma jkunx il-poplu tiegħu.

Din it-traduzzjoni ta’ San Ġrolmu ma taqbilx ma’ dak li nsibu fi traduzzjonijiet iktar moderni kemm bil-Latin u anke bil-Malti, kif jidher iktar ’il fuq. Imma xorta waħda l-profezija tibqa’ relevanti jekk tiġi applikata għal Ġesù għax isservi ta’ tħabbira li l-poplu Lhudi li kien se jiċħad lil Kristu kien se jċedi postu għall-poplu l-ġdid ta’ Alla.

Ir-Randan huwa żmien li jitlob minna li nerġgħu niskopru mill-ġdid it-tifsira tal-ħajja Nisranija fir-radikalità kollha tagħha. Għaldaqstant, huwa wkoll żmien li jrid iwassalna biex nerġgħu nġeddu l-għażla radikali li nkunu tassew ta’ Kristu, ukoll jekk din l-għażla tista’ titfagħna fil-ħofra tal-iljuni tas-soċjetà tagħna li l-allat tagħha huma r-regħba u l-egoiżmu. Temmen li proprju hawn fejn tinsab tgħix tista’ tkun musbieħ li jixhed għall-imħabba ta’ Alla u jagħlaq ħalq l-iljuni għax jimliehom b’dak li tassew hu Alla?