David: Int dak li joffri u dak li jiġi offrut

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Imma Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir tal-ġid li diġà ġie. Hu daħal minn tinda aqwa u aktar perfetta li mhijiex maħduma b’idejn il-bnedmin, jiġifieri mhijiex ħolqien ta’ din l-art; hu daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u tal-għoġiela, imma bis-saħħa ta’ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem.

Lhud 9, 11-12

Ħdejn il-Profeta Danjel insibu lis-Sultan David. Buhagiar juża l-ikonografija tipika ta’ David bħala s-sultan bil-kuruna mxidda fuq rasu u bl-arpa f’idu, li tirreferi kemm għat-talent li kellu David li jdoqq dan l-istrument mużikali (ara 1 Sam 16, 14-23) u kif ukoll għax lilu hu tradizzjonalment attribwit il-Ktieb tas-Salmi, mimli għanjiet ta’ tifħir u wkoll ta’ karba lill-Mulej.

Taħt minkeb is-Sultan David nilmħu anġlu żgħir qed iżomm il-kitba: TU VICTIMA TU OBLATOR, TU OBLATIO. Għalkemm hemm indikazzjoni li dan il-kliem hu meħud minn Salm 64, fir-realtà dan il-kliem insibuh fil-Kummentarju ta’ Santu Wistin fuq Salm 65 (Salm 64 fil-Vulgata). Waqt li jikkummenta dwar vers 4 skont il-Vulgata, Santu Wistin jidħol fi djalogu ma’ Kristu fejn jistaqsi u jistqarr:

Imma x’se tagħmel? Id-dnubiet tagħna inti taħfirhomlna. Inti l-qassis, inti l-vittma; dak li joffri u dak li jiġi offrut. Dan hu l-qassis, li issa daħal ’il ġewwa mill-velu, hu biss fost dawk imlibbsa bil-laħam, li jidħol għalina.

Santu Wistin, Enarrationes in Psalmos, 64.6 (PL 36.777)

Fil-Ħames Prefazju tal-Għid, is-saċerdot jitlob hekk lill-Missier:

Hu, bl-offerta tal-ġisem tiegħu fis-sagrifiċċju veru tas-salib, temm is-sagrifiċċji kollha ta’ qabel; u, waqt li ntelaq f’idejk għas-salvazzjoni tagħna, sar għalina l-qassis, l-altar u l-ħaruf.

Temmen tassew f’din il-kumplessità sempliċi ta’ Kristu li jiġbor l-estremi kollha fil-persuna waħda tiegħu? Tħallih ikun għalik il-qassis, l-altar, u l-offerta li tista’ ssalvak? Jew għadek qed tipprova ssalva lilek innifsek mingħajru?