L-Abbiss ta’ Mħabba ta’ Sibt il-Għid
It-Tmien Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun
Meta kien jgħix fuq din l-art, Kristu offra talb u suppliki b’leħen għoli u bid-dmugħ lil dak li seta’ jsalvah mill-mewt. U kien mismugħ minħabba fil-qima tiegħu lejn Alla. Għad li kien Iben, tgħallem minn dak li bata xi tfisser l-ubbidjenza. U, billi laħaq il-perfezzjoni, sar awtur tas-salvazzjoni ta’ dejjem għal kull min jisma’ minnu.
Ittra lil-Lhud 5, 7-9
Issa li qegħdin fiċ-ċelebrazzjoni annwali proprja tal-misteru tal-Għid tal-Mulej, xieraq li nħarsu lejn iċ-ċentru tax-xena allegorika li Ġann Nikol Buhagiar pitter fl-apsidi fuq l-Altar tal-Kurċifiss fil-Knisja Arċipretali taż-Żejtun: Kristu mejjet. L-artist juża elementi differenti biex ifisser dan il-misteru.
L-ewwel nett ninnutaw li x-xbieha ta’ Kristu hija mdawra minn serp qed jigdem denbu u jifforma ċirku. Dan is-simbolu—imsejjaħ ouroboros bil-Grieg, li litteralment tfisser ‘jiekol denbu’—jimplika ċ-ċiklu etern tat-twelid, mewt, u twelid mill-ġdid. Fil-kuntest Ġudeo-Kristjan, ifisser ukoll is-serp tal-qedem, ix-Xitan, li quddiem il-mewt ta’ Kristu jidher rebbieħ għax irnexxielu jegħleb bil-mewt anke lill-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Imma f’din ir-rebħa apparenti tinsab it-telfa aħħarija tiegħu għax, minkejja li jidher idawwar lil Kristu dawra tond, bla ebda triq ’il barra, il-ġisem mejjet ta’ Ġesù mhuwiex sempliċiment ġisem imqiegħed sewwa f’qabar imma donnu jinsab miżmum, f’ħoġor xi ħadd—bħar-rappreżentazzjonijiet tal-Pietà bl-id ta’ Ġesù merħija u r-ras miżmuma milli taqa’ lura għal kollox. Il-preżenza tat-trijanglu fl-isfond turina li dan il-ħdan huwa tal-Missier li fih l-Iben jgħammar sa minn dejjem (ara Ġw 1, 18), u tikxef il-fidwa bħala pjan tat-Trinità li fl-aħħar mill-aħħar se toħroġ rebbieħa fuq ix-xitan, id-dnub, u l-mewt. Il-fidwa sseħħ fi ħdan it-Trinità stess fejn, kif josserva t-teologu Hans Urs von Balthasar, ir-rabta ta’ mħabba bejn l-Iben u l-Missier, permezz tal-Ispirtu s-Santu, tista’ “tiġġebbed” sal-limitu estrem tagħha fil-karba-talba “Għaliex tlaqtni?” u l-istennija tal-Iben fil-mewt sakemm il-Missier iqajmu fit-tielet jum.
Illum nistiednek biex tieqaf ftit u tiffoka fuq il-figura ta’ Kristu mejjet. Ilmaħ fiha l-abbiss ta’ mħabba tat-Trinità muri lilna fuq is-Salib imma, fl-istess ħin, jibqa’ mistur għax jiżboq dak li moħħna qatt jista’ jasal li jifhem. Ieqaf u ffoka, u flok tifhem ħalli lil qalbek iġġarrab din l-imħabba ta’ Alla għalik li wasslitu s’hawn biex seta’ jiksbek mill-ġdid