Issa kollox hu mitmum

Is-Seba’ Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Ġwanni 19, 28-30

Aħna u nersqu qrib iċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni tal-Mulej, se nħarsu lejn il-motiv ċentrali f’nofs il-figuri tat-Testment il-Qadim u eżatt bejn il-ġisem mejjet ta’ Kristu mpitter fl-apsidi u l-kurċifiss li jinsab fin-niċċa ta’ fuq l-altar. F’din il-parti tal-pittura nilmħu pedestall li fuqu u madwaru hemm għadd ta’ simboli u figuri simboliċi.

Ħaġa li ma nistgħux ma nagħtux kasha hija l-kitba li nsibu donnha fuq żigarella li ddur madwar u bejn l-affarijiet: IAM OMNIA CONSUMMATA SUNT—“issa kollox hu mitmum.” Din hi meħudha mir-rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann. Fil-pittura jidher biss in-numru tal-vers u ma jidhirx il-kapitlu (i.e. 19)—ħaġa li hija inkonsistenti mal-bqija tal-kwotazzjonijiet fejn insibu dejjem in-numru tal-kapitlu mniżżel. Fl-istess waqt ninnutaw l-użu li jagħmel l-artist tal-frażi meħuda waħedha hekk li tieħu mhux biss it-tifsira ta’ Ġesù li kien jaf li għamel kulma kellu jagħmel, imma tieħu wkoll id-dimensjoni miżjuda ta’ li issa, tassew, kollox—jiġifieri l-fidwa tal-ħolqien kollu—seħħet.

F’dan il-punt, ninnutaw li l-għuda tas-salib—bil-kuruna tax-xewk imdawra man-naħa ta’ fuq tagħha—qed titniżżel minn fuq pedestall minn anġli forsi biex iktar tisħaq li verament kollox mitmum skont ma kienet tgħid l-Iskrittura—issimbolizzata f’anġlu ieħor li b’id waħda qed iżomm ktieb wieqaf u miftuħ u b’idu l-oħra qisu qed jipponta jew jitlaq minn idejh is-salib.

Consummata sunt tfisser ukoll li kollox laħaq il-milja tiegħu, hekk li l-kalċi li talab li jitwarrab minnu Kristu issa kien xorbu kollu tant li aħna wkoll nistgħu nieħdu sehem minnu fl-Ewkaristija—li hija t-tifkira li tagħmel il-misteru tal-Għid preżenti waqt il-quddiesa—u wkoll fit-tisħib tagħna fil-passjoni ta’ Kristu meta ta’ kuljum inġorru s-slaleb tagħna.

Madwar din id-dinamika kollha nilmħu wkoll l-erba’ ħlejjaq ħajjin, jiġifieri l-gendus, l-iljun, l-ajkla, u l-anġlu (proprjament bniedem bil-ġwienaħ). Dawn insibuhom deskritti kemm fil-Ktieb tal-Profeta Eżekjel u kif ukoll fil-Ktieb tal-Apokalissi, u li t-tradizzjoni abbinat kull wieħed minnhom ma’ wieħed mill-erba’ Evanġelisti, liema Evanġelisti jirrakkuntaw il-misteru tal-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

Diffiċli fil-ħajja li tgħid: “Kollox hu mitmum!” Qatt ma tista’ tgħid li lestejt. Dejjem jifdal xi ħaġa oħra x’tagħmel. Imma l-bniedem il-perfett li tiegħu aħna xbieha qal: “Kollox hu mitmum!” Itlob lill-Mulej il-grazzja li tagħraf li fih biss hemm tassew it-tmiem ta’ kollox, u li minnek mhuwiex mistenni li tlesti kollox imma li tiżra’ dak it-tajjeb li jista’ jħalli l-frott fi żmienu.