“Hawn jien: ibgħat lili!”

Is-Sitt Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Int ma titgħaxxaqx b’sagrifiċċji u offerti;

imma widnejja inti ftaħtli;

ma tlabtnix vittmi tal-ħruq u tat-tpattija.

Imbagħad jien għedt: “Hawn jien, ġej.

Fil-bidu tal-ktieb hemm miktub fuqi

li nagħmel ir-rieda tiegħek.

Alla tiegħi, dan jogħġobni;

il-liġi tiegħek ġewwa qalbi.”

Salm 40, 7-9

Fuq il-lemin tal-Profeta Eżekjel insibu ieħor mill-erba’ profeti msejħin “il-Kbar”: Isaija. San Ġrolmu jistqarr li l-kitbiet ta’ Isaija mhux biss juruh bħala profeta imma wkoll bħala evanġelista u appostlu (Commentarium in  Isaiam Prophetam, Prologus [PL 24.18.3-4A]).

Meta naħsbu dwar dan il-profeta fil-kuntest tal-passjoni, l-ewwel ma jiġuna f’moħħna huma l-Għanjiet tal-Qaddej tal-Mulej (Is 42, 1-4; 49, 1-6; 50, 4-11; 52, 13-53, 12). Imma f’din ix-xena, l-artist jagħżel li minflok imur għall-mument tas-sejħa ta’ Isaija li nsibuha f’kapitlu 6. Il-kwotazzjoni miktuba fuq l-iskroll f’id il-profeta—ET AUDIVI VOCEM DOMINI DICENTIS: QUE MITTAM ET QUIS IBIT NOBIS? ET DIXI: ECCE EGO, MITTE ME—turina l-mument eżatt meta jilqa’ li jintbagħat u jmur f’isem il-Mulej:

Imbagħad smajt leħen Sidi jgħid:

“Lil min se nibgħat? Min se jmurilna?”

U jien weġibt:

“Hawn jien: ibgħat lili!”

Isaija 6, 8

Din l-“Hawn jien” teħodna wkoll għal Salm 40 fejn insibu dan id-‘djalogu’ tas-Salmista li jirrakkonta lil Alla dak li għamel miegħu u kif hu wieġeb għall-imħabba murija billi jilqa’ r-rieda divina u jħabrek biex iwettaqha. Fl-Ittra lil-Lhud dan is-Salm hu mpoġġi fuq fomm l-Iben li, għall-imħabba tal-Missier li riedet tiksibna lura mill-ġdid wara d-dnub, “meta daħal fid-dinja qal: … ‘Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla, kif fil-ktieb hemm miktub fuqi’” (Lhud 10, 5. 7)—u allura mhux iktar “ġej” fl-imperfett imma “ġejt” fil-perfett, li jimplika azzjoni kompluta.

U din l-“Hawn jien” ta’ Kristu hija definittiva u fissret fidwa. Dik ta’ Isaija kienet biss sejħa għall-konverżjoni u għat-tħabbir tat-tama li għad trid tiġi. Għall-kuntrarju ta’ Kristu, il-Kelma eterna tal-Missier, quddiem id-dehra tal-majesta ta’ Alla, Isaija jistqarr li hu bniedem b’xufftejh imniġġsa li jgħammar f’nofs poplu b’xufftejh imniġġsa, u allura kellu bżonn jissaffa biex seta’ jaqdi l-missjoni tiegħu—kif jixhed l-anġlu ħdejh li għadu kemm messlu fommu bil-ġamra nar maqbuda bi mqass minn fuq l-altar biex hekk seta’ jlissen “Hawn jien” safja (Is 6, 5-7).

Faċli twieġeb “Hawn jien” meta kollox ikun jidher sabiħ u qalbna mfawra bil-ħeġġa. Imma meta din l-“Hawn jien” titlob konverżjoni minn dnubietna u disponibbiltà bla limiti għar-rieda ta’ Alla, it-tentazzjoni tkun li nistaħbew fil-folla. Allura x’se tagħżel? Veru, fil-folla la nispikkaw u lanqas jeħtieġ li naħsbu; sempliċiment nintelqu mal-kurrent u ninġarru. Imma din tal-aħħar żgur li mhijiex risposta Nisranija għall-istedina li jagħmlilna Alla biex nissieħbu miegħu fil-ħidma għas-salvazzjoni tad-dinja.