Fittixt bniedem kapaċi jsewwi l-ħajt

Il-Ħames Riflessjoni dwar l-Apsidi tal-Kappellun tal-Kurċifiss, iż-Żejtun

Ebda selħa fis-swar,

ħadd ma jaqa’ lsir,

ma jkunx hemm biki fil-pjazez tagħna.

Hieni l-poplu li għandu dan kollu!

Hieni l-poplu li Jaħweh hu Alla tiegħu!

Salm 144, 14-15

Jekk immorru għan-naħa l-oħra, u nibdew inħarsu fuq il-lemin tagħna lejn il-figuri fin-naħa ta’ isfel tal-apsidi, l-ewwel personaġġ li niltaqgħu miegħu huwa l-Profeta Eżekjel. Eżekjel kien qassis li ġie eżiljat flimkien ma’ ħafna oħrajn mill-poplu lejn il-Babilonja. Alla għażlu biex jipprietka l-kelma tiegħu kemm lil-Lhud li kienu għadhom f’Ġerusalemm u kif ukoll lil dawk li kienu fl-eżilju.

Il-frażi li l-artist Ġann Nikol Buhagiar jikkwota minn dan il-profeta—QUAESIVI VIRUM QUI INTERPONERET SEPEM—hija meħuda minn vers 30 ta’ kapitlu 22, fejn il-Mulej jistqarr ma’ Eżekjel:

“Fittixt f’nofshom bniedem, kapaċi jsewwi l-ħajt u joqgħod fis-selħa quddiemi u jiddefendi l-pajjiż, ħalli jien ma nagħmlux ħerba. Imma ma sibtx.”

Eżekjel 22, 30

Waqt li qed jurina dan il-kliem, il-profeta qiegħed iħares u jipponta lejn Kristu, bħal donnu biex ifissrilna li fl-aħħar instab dak li seta’ joqgħod fis-selħa tas-sur bejn l-umanità u Alla u jerġa’ jsewwi l-ħajt, mhux iżjed ta’ Ġerusalemm tal-art imma ta’ dik tas-sema li ġiet miftuħa mill-ġdid għall-umanità kollha permezz tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.

Id-dinja globalizzata u diġitali ta’ żmienna qed tippoża quddiemna bħala dik li tħott il-ħitan diviżorji kollha sabiex taparsi ‘tgħaqqadna’ iktar flimkien u tagħmilna ‘raħal’ wieħed. Imma, bl-istess ġest, qed tħallina bla lqugħ kontra l-egoiżmu u l-kilba li iktar jistgħu jimirħu f’soċjetà mingħajr ħitan li jipproteġuna u jħarsuna mill-ilpup ħattafa. Din il-vulnerabbiltà perikoluża tista’ twassalna biex nerġgħu mmorru lura għall-bini tas-swar li jiddefenduna imma joħonquna. Allura x’nistgħu nagħmlu? Bħal Eżekjel, ħares mill-ġdid lejn Kristu u fih għaraf il-ħajt ta’ kenn tiegħek sabiex tistrieħ għad-dell tiegħu meta mifluġ; fih għaraf ukoll ħajt li jkennek sakemm tistejqer bla ma jsakkrek sabiex tkun tista’ tkompli l-vjaġġ bla ma taħrab miż-żmien u mid-dinja li fihom qed tgħix.