L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna

L-Ewwel Riflessjoni – Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla

L-aħħar qatra ta’ demmek tajthielna

Meta b’daqqa ta’ lanza nifduk.

Int għallimtna tan-niket il-hena,

Int għallimtna fil-hemm inberkuk.

Dun Karm Psaila, ’Tina l-Ħlewwa

F’dawn il-ġimgħat li ġejjin ser inkunu qegħdin inħarsu lejn xi pitturi li nsibu fil-Kappella tas-Sagrament tal-Bażilika ta’ Marija Bambina, l-Isla. Dawn ix-xogħlijiet ta’ Carmelo Spiteri (magħruf bħala Kammu) mill-Isla stess u li saru fl-1976 kollha għandhom tema Ewkaristika.

Jekk nibdew bl-apsidi, naraw li hija maqsuma fi tliet flieli. Fil-felli tax-xellug naraw anġlu qiegħed iżomm girlanda bil-fjuri f’idu u maġenbu fuq is-sħab għandu kalċi li minnu ħiereġ salib u fuqu hemm ix-xbieha tal-Qalb ta’ Ġesù inkurunata bix-xewk, minfuda u tnixxi d-demm.

Dan is-simbolu jfakkarna fir-realtà konkreta tal-Ewkaristija, jiġifieri li aħna qegħdin mhux sempliċiment nirrepetu dak li Ġesù għamel fl-aħħar ċena imma l-misteru tal-Għid tal-Mulej—jiġifieri l-passjoni, il-mewt u l-qawmien—isir preżenti għalina. U mhux biss preżenti, imma, skont kliem il-Konċilju Vatikan II:

Kull darba li s-sagrifiċċju tas-salib, li bih Kristu l-Għid tagħna ġie ssagrifikat, jiġi ċċelebrat fuq l-altar, l-opra tal-fidwa tagħna sseħħ.

Konċilju Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen gentium (1964), par. 3

U bħalma l-Knisja ġiet imwaqqfa taħt is-salib tal-Mulej meta minn qalbu minfuda ħareġ demm u ilma, hekk ukoll il-Knisja tissieħeb fl-offerta ta’ Kristu, ir-Ras tagħha, hekk li s-sagrifiċċju tiegħu jsir ukoll sagrifiċċju tal-membri tal-Ġisem tiegħu.

Kull meta tieħu sehem fil-quddiesa u tisma’ l-kliem tal-konsagrazzjoni, ftakar li dawk tassew huma l-ġisem u d-demm tal-Mulej li ġie mislub għalik. Ftakar ukoll li inti wkoll jeħtieġ li tissieħeb f’dan is-sagrifiċċju waħdieni tiegħu.