It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Tħabbira tal-Mulej, Kon-Katidral ta’ San Ġwann
Fis-sitt xahar Alla bagħat l-anġlu Gabrijel f’belt tal-Galilija, jisimha Nazaret, għand xebba, mgħarrsa ma’ raġel jismu Ġużeppi mid-dar ta’ David. Dix-xebba kien jisimha Marija. L-anġlu daħal għandha u qalilha: “Sliem għalik, mimlija bil-grazzja, il-Mulej miegħek.”
Luqa 1, 26-28
Qabel ma ndawru l-ħarsa minn dan l-arazz għall-ieħor li jiddendel fuq in-naħa l-oħra tal-bieb ewlieni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, se nħallu l-anġlu Gabrijel idawwal ir-riflessjoni tagħna. L-isem Gabrijel, magħmul mill-kliem gabar (qawwa u saħħa) u El (Alla), timplika l-qawwa ta’ Alla. Bħal donnu Garijel huwa personifikazzjoni tal-qawwa tal-Għoli li se tixħet id-dell tagħha fuq Marija. Anke l-istess qagħda ta’ jdejh jgħaqqdu s-sema u l-art u l-Ispirtu s-Santu taħt forma ta’ ħamiema ħiereġ mill-fetħa tad-dawl fis-sħab jagħtuna l-impressjoni li l-artist qisu ħa ‘ritratt’ eżatt fil-ħin li fih Gabrijel qiegħed ilissen il-kliem:
“L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek, u l-qawwa tal-Għoli tixħet id-dell tagħha fuqek. U għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis, u jissejjaħ Bin Alla.”
Luqa 1, 35
Gabrijel hu msieħeb ukoll minn anġli oħra, fosthom wieħed warajh b’ġilju abjad li jfakkarna fis-safa ta’ Marija, u t-tnejn oħra fuq Marija jżommu fjuri mlewna li jkomplu jżidu mal-ambjent ta’ festa.
Hekk kif ix-xahar ta’ Ottubru ddedikat lit-talba tar-Rużarju wasal fi tmiemu, jalla din il-kontemplazzjoni tal-qawwa ta’ Alla murija fit-tixjin tiegħu għall-fidwa tagħna tkun ta’ xprun sabiex inkomplu l-mixja li kontinwament titħabat bejn il-ħajja u l-mewt fi triqtha lejn il-laqgħa mas-Sultan ta’ dejjem.