Torri ta’ David

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Tħabbira tal-Mulej, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Bin is-slaten, fergħa sbejħa

minn dar David, nislek għoli;

imma mżejna b’ġieħ wisq ogħla,

għax int Omm ir-Re tal-glorja!

Liturġija tas-Sigħat, Innu tal-Uffiċċju ta’ Qari, 8 ta’ Settembru, Solennità tat-Twelid tal-Verġni Mqaddsa Marija

Kif diġà aċċennajna fl-ewwel riflessjoni dwar l-Arazz tat-Tħabbira tal-Mulej tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Marija tinsab għarkupptejha taħt mant ħamrani li jfisser ir-regalità tagħha.

Għalkemm fl-Evanġelji, b’mod partikolari fiż-żewġ ġeneoloġiji ta’ Ġesù (Mt 1, 6; Lq 3, 31), ma nsibu xejn li juri b’mod dirett li mhux biss Ġużeppi imma wkoll Marija kienet min-nisel ta’ David, sa mill-ewwel sekli diversi kittieba u missirijiet tal-Knisja qiesu lil Marija bħala bint David. Pereżempju, f’De Carne Christi 21, Tertuljanu fit-tielet seklu jisħaq li Ġesù seta’ jkun “nisel ħiereġ mill-ġewwieni” ta’ David skont il-profezija ta’ Natan (2 Sam 7, 12) proprju għax ħareġ mill-ġewwieni ta’ Marija, li hi wkoll kienet min-nisel ta’ David (PL 2.788). L-Abbati Benedittin Paskasju Radbertu li għex fid-disa’ seklu bl-istess mod jappella għat-tradizzjoni li ż-żwiġijiet spiss kienu jsiru fl-istess tribù u familja  (Expositio in Matthaeum, 1.1, PL 120.77-80).

Dan insibuh ukoll fid-devozzjoni popolari meta, fil-Litanija tal-Madonna (Litanija ta’ Loreto), Marija tiġi invokata bħala “Torri ta’ David.” Dan it-titlu nsibuh fl-Għanja tal-Għanjiet (4, 4) fejn is-sbuħija tal-maħbuba hija mfissra permezz ta’ dan it-torri fuq l-għolja ta’ Sijon. Applikat għal Marija, huwa kemm referenza għas-sbuħija tagħha—b’mod partikolari dik interjuri—u wkoll għall-ħarsien tagħha fuq Ġesù mit-tnissil sa taħt is-salib, wieqfa soda.

Il-kobor tal-bniedem jidher meta jkun għarkupptejh quddiem Alla. Minkejja din id-dinjità għolja ta’ Marija mfissra bil-mant ħamrani, xorta waħda Marija tinsab għarkupptejha quddiem il-Kelma ta’ Alla. X’inhi l-qagħda tiegħek quddiem Alla? Tagħraf sinċerament fil-fond ta’ qalbek li l-kobor tiegħek ma jiġi mill-ebda pożizzjoni jew setgħa imma biss mill-kapaċità tiegħek li tagħraf li inti ħlejqa quddiem il-Ħallieq, li fortunatament mhux inti s-sid tiegħek innifsek imma hu Alla s-Sid tiegħek u ta’ kollox? Forsi rkupptejk ma jagħtukx, imma bħal Marija, filwaqt li tagħraf id-dinijità għolja li biha Alla żejnek, ħalli lil ruħek tinżel għarkupptejha quddiemu sabiex tagħrfu bħala l-għajn ta’ dak kollu li għandek.