Marija tikkontempla u tinkarna fiha l-Kelma ta’ Alla

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tat-Tħabbira tal-Mulej, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

O Marija, Verġni u mbierka,

ilqa’ fil-ġuf safi tiegħek

il-Verb t’Alla, mibgħut lilna

mill-Missier biex isalvana.

Liturġija tas-Sigħat, Innu tal-Għasar, Ferja Privileġġata tal-Avvent

F’dan ix-xahar iddedikat lit-talba tar-Rużarju, se nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq l-arazz tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li jirrappreżenta x-xena tat-Tħabbira tal-Mulej, proprju l-Ewwel Misteru tal-Ferħ tal-istess talba.

Il-parti tax-xena fejn iseħħ id-djalogu bejn Marija u l-Anġlu hija mfassla fuq pittura oħra ta’ Peter Paul Rubens li llum tinsab fil-Mużew Rubenshuis f’Antwerp, il-Belġju. Għal raġuni mhux magħrufa, Rubens pitter l-ewwel nofs ta’ din l-opra aktarx għas-sena 1610. Kien imbagħad bejn l-1627 u l-1628 li lesta dan ix-xogħol u mmodifika l-figura ta’ Marija.

Peter Paul Rubens, It-Tħabbira tal-Mulej

F’dan l-arazz tintuża ikonografija pjuttost tipika għar-rappreżentazzjonijiet ta’ din ix-xena tant fundamentali fl-Evanġelju skont San Luqa li fiha Alla jsir bniedem bl-“Iva” ta’ Marija. Naraw lil Marija taħt mant ħamrani—simbolu ta’ regalità—u għarkupptejha fuq ġinokjatur li fuqu hemm ktieb miftuħ—wieħed jassumi li huwa simbolu tal-Kelma ta’ Alla. Għaldaqstant, nistgħu ngħidu li fil-ħsieb tal-artist Marija kienet qed titlob u timmedita l-Kelma ta’ Alla meta rċeviet iż-żjara tal-Anġlu. Il-fiat tagħha kienet il-pont bejn il-Kelma li Alla wassal lill-poplu l-magħżul, b’mod partikolari bil-Profeti li fi kliemhom il-Lhud għarfu t-tħabbira ta’ Sultan mill-familja rjali ta’ David li permezz tiegħu l-poplu jinħeles u jsir għajn ta’ salvazzjoni għall-umanità kollha, u mill-banda l-oħra l-Kelma definittiva ta’ Alla li twassal dawn il-profeziji u l-istennija għall-milja tagħhom u li sseħħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li jidher nieżel fuqha f’raġġ ta’ dawl mis-sema.

Din il-pożizzjoni ta’ talb ta’ Marija taqbel ħafna mal-mod kif San Luqa fl-Evanġelju tiegħu jirrakkuntalna diversi episodji li fihom Ġesù talab jew kien qiegħed jitlob. Kemm it-talb ta’ Marija u, iktar u iktar, dak ta’ Kristu mhuwiex talb magħluq fih innifsu imma l-intimità profonda tfur f’għajn ta’ grazzja għall-umanità kollha: minn Marija għax flimkien mal-poplu ta’ Iżrael kienet titlob u tistenna l-miġja tal-Messija u laqgħetu fi ħdanha meta wasal; minn Ġesù għax id-djalogu tal-Kelma magħmula laħam mal-Missier sal-mewt, minkejja l-piż ta’ dnub l-umanità li jiftaħ abbiss bejniethom, kien jiftaħ wisa’ fejn il-fidwa setgħet isseħħ u l-istess Spirtu li bil-qawwa tiegħu seħħet l-inkarnazzjoni issa jkompli jqaddes l-umanità permezz tas-Sagramenti.

Inti u titlob ir-Rużarju forsi iktar ta’ spiss matul dan ix-xahar, ħalli din l-attitudni ta’ qalb miftuħa li tagħmel wisa’ kemm għal Alla u kif ukoll għall-umanità tikkaratterizza l-qalb tiegħek ukoll sabiex, mar-ritmu ta’ Sliema waħda wara l-oħra, nerġgħu noħolqu dan il-wisa’ biex Alla jkun preżenti fid-dinja.