Il-Ħitan li Jħabbru u Jħejju t-Triq tal-Mulej

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.”

Isaija 40, 3

F’dan ix-xahar ta’ Ottubru ddedikat lit-talba tar-Rużarju u għar-riflessjoni dwar il-mewt u l-ħajja fix-xahar ta’ Novembru, se nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq l-arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li kienu maħsuba biex isibu posthom fuq il-bieb tal-faċċata ta’ dan il-maqdes ta’ ġmiel liema bħalu. Hawnhekk jiddendlu żewġ xena kbar—dik tat-Tħabbira tal-Mulej u dik tal-Erba’ Evanġelisti—u fin-nofs fuq il-bieb arazz li jirrappreżenta lill-Gran Mastru Aragoniż Ramon Rabasa de Perellós y Rocafull li kkummissjoni din l-opra massiva, bl-arazzi tal-Appostli Ġuda Taddew u Xmun l-Imħeġġeġ wieħed fuq kull naħa.

Xi ftit, kemm il-proġett u kif ukoll l-arazz innifsu juru l-wirja ta’ glorja li ried jagħmel il-Gran Mastru Perellos b’din l-opra tant ambizzjuża. Fil-fatt, l-arma tiegħu maqsuma f’erba’, b’żewġ taqsimiet bl-arma tal-ordni u bit-tnejn l-oħra bl-arma tiegħu personali bi tliet lanġasiet, insibuha fuq kull xena Evanġelika jew allegorika. Il-Gran Mastru hu rrapreżentat bilqiegħda fuq tron, rebbieħ fuq l-għadu u ħarries tax-xjuħija. Taħt it-tron hemm bħal donnha rħama bl-iskrizzjoni li turi li kien Perellos li kkummissjona dawn l-arazzi xogħol ta’ kumpanija Belġjana sabiex il-ħitan tal-knisja jkunu bħal-leħen tal-Prekursur li jħejju t-triq għall-Mulej (UT AD PATRONI VOCEM VELA PARIETE CLAMANTEM VIA DOMINI PRÆ PARETUR).

Jekk inħarsu b’mod metaforiku lejn dawn l-arazzi mdendlin eżatt taħt ix-xena allegorika tal-Ordni ta’ San Ġwann, xogħol Mattia Preti, nistgħu ngħidu li fuq ix-xellug għandna l-Kelma li ssir laħam wara t-Tħabbira tal-Anġlu u l-“Iva” ta’ Marija, u fuq il-lemin għandna din l-istess Kelma imma din id-darba kif niltaqgħu magħha fil-Kelma ta’ Alla miktuba, partikolarment fl-Evanġelji. U fin-nofs hemm il-bniedem li minħabba fih l-Iben ta’ Alla sar bniedem.

Forsi l-ħsieb stravaganti tal-Gran Mastru kien tentattiv biex jesprimi dak li jgħid San Ilarju: “Gloria enim Dei vivens homo, vita autem hominis visio Dei”—il-glorja ta’ Alla hija l-bniedem ħaj, il-ħajja tal-bniedem hija d-dehra ta’ Alla (Adversus Haereses 5.20.7). Fiex issib il-ħajja tiegħek inti? Fl-opri tiegħek jew fil-laqgħa ma’ Alla? Il-ħajja tiegħek hija diwja li anke elfejn sena wara għadha tħejji toroq għall-Mulej biex permezz tagħhom Alla jiltaqa’ mal-bniedem u l-bniedem ma’ Alla?