Il-ħolqien jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas

Il-Ħames Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Kruċifissjoni, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Id-dinja tinsab ħuġġieġa waħda; tixtieq titfiha? Ħares lejn is-Salib. Mil-qalb miftuħa tal-Feddej ħiereġ id-demm li għandu l-qawwa li jitfi wkoll in-nirien tal-infern. Bis-saħħa tal-ħarsien bir-reqqa tal-wegħdiet tiegħek, iftaħ qalbek u eħlisha minn kull tfixkil; imbagħad, ikunu jistgħu jinxteħtu fiha l-ħalel tal-imħabba divina, hekk li qalbek tfur u ssir għammiela sat-trufijiet tal-art.

Edith Stein: Vita, Dottrina, testi inediti (Roma, 1987), 127-130.

Għalkemm analizzajna bir-reqqa l-karattri li jiffurmaw id-dramm tat-tislib ta’ Ġesù skont ma immaġinah Peter Paul Rubens u li jinsab immortalizzat f’wieħed mill-arazzi tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li għadhom kemm ġew irrestawrati, fadal żewġ dettalji oħra. Forsi huma insinifikanti meta mqabblin mal-ħafna elementi li jsawru din il-kompożizzjoni. Iżda huma wkoll għandhom xi ħaġa x’jgħidu għax mad-dramm uman iżidu wkoll dak kożmiku li jifforma parti integrali mill-pjan tas-salvazzjoni, kif jistqarr San Pawl:

Aħna nafu li l-ħolqien kollu għadu s’issa jitniehed bl-uġigħ tal-ħlas; u mhux hu biss, imma wkoll aħna li għandna l-ewwel frott tal-Ispirtu, aħna wkoll nitniehdu fina nfusna waqt li nistennew l-adozzjoni ta’ wlied, il-fidwa ta’ ġisimna.

Rumani 8, 22-23

Iż-żewġ elementi li qed nitkellem dwarhom huma l-kelb b’ħalqu miftuħ taħt is-Salib, u s-sema li jidher qed jissaħħab u mnara waħda fi smewwiet donnha l-qamar li kifes ix-xemx biex waqgħet id-dalma (fil-pittura oriġinali ta’ Rubens tidher iktar ċara r-rappreżentazzjoni ta’ ekklissi li għadu qiegħed iseħħ), kif insibu fl-Evanġelji Sinottiċi (Mt 27, 34; Mk 15, 33; Lq 23, 44).

Interessanti li dawn iż-żewġ elementi nsibuhom ukoll fl-Arazz (imma mhux fl-oriġinali ta’ Rubens) tal-Adorazzjoni tal-Maġi li fil-kuntest tal-Evanġelju skont San Mattew ifisser ir-rivelazzjoni tal-miġja tal-Messija mhux biss lil-Lhud imma wkoll lill-pagani li ġejjin mill-ġnus. Id-differenza bejn dawn iż-żewġ arazzi hija kemm l-inverżjoni tan-naħat ta’ fejn jinsabu l-kelb u s-sema, u wkoll fil-moviment tas-sħab fejn, fit-tislib, is-sħab qiegħed jagħqad filwaqt li fl-Adorazzjoni tal-Maġi nieħdu l-impressjoni li qed jiftaħ l-ajru. Is-sema bħal donnu jfisser il-patos tal-ħolqien kollu quddiem dak li qed jiġri.

Meta l-mara Sirofeniċja titlob bil-ħrara lil Ġesù biex jeħles lil bintha mill-ħakma tax-xitan, Ġesù b’ton iebes jgħidilha: “L-ewwel ħa jixbgħu l-ulied, għax mhux sewwa tieħu l-ħobż tal-ulied u tixħtu lill-ġriewi.” Iżda meta hi weġbitu, “Hekk hu, Mulej; imma taħt il-mejda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak mill-ħobż tat-tfal,” Ġesù għamel skont dak li talbitu (Mk 7, 24-30).

Ta’ spiss id-dnub jaqtagħna mir-rabta tagħna ta’ wlied ma’ Missierhom hekk li nsiru bħal klieb. Imma għad hemm it-tama: il-Mulej ma jehdiex ifarrak il-ħobż tiegħu, li hu Ibnu stess li, bl-inkarnazzjoni u l-passjoni tiegħu, sar għalina ikel li jsalvana. Qed tfittex li ma titlifx lanqas l-iċken farka tal-ħniena tiegħu sabiex tikseb il-fejqan u l-ħajja ta’ dejjem?