L-Erba’ Ħlejjaq Ħajjin

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Erba’ Evanġelisti, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi,

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek,

ta’ min ifaħħrek u jsebbħek fuq kollox għal dejjem.

Danjel 3, 54-55

Wara li rriflettejna dwar l-arazz tat-Tħabbira tal-Mulej li jfakkar il-mument meta l-Kelma ta’ Alla saret laħam, fil-ġimgħat li ġejjin se nħarsu lejn l-arazz tal-Erba’ Evanġelisti—il-Kelma ta’ Alla mħabbra u miktuba—li tiddendel pariġġ l-ewwel arazz fuq in-naħa l-oħra tal-bieb ewlieni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Dan l-arazz ukoll hu mfassal fuq pittura ta’ Peter Paul Rubins li tpittret madwar is-sena 1625 u li llum tinsab esibita f’The John and Mable Ringling Museum of Art, f’Sarasota, Florida. Filwaqt li s-simboliżmu u l-moviment huma prattikament l-istess, fl-arazz insibu xenarju iktar elaborat, proprju biex jinżamm il-proporzjon tal-personaġġi u d-dimensjoni tal-arazz innifsu.

L-Evanġelisti narawhom akkumpanjati minn erba’ ħlejjaq. Dawn l-erba’ simboli għandhom l-għeruq tagħhom fid-dehra tal-erba’ ħlejjaq ħajjin li jiddeskrivi l-Profeta Eżekjel fl-ewwel viżjoni tiegħu:

Kont qiegħed inħares, u f’daqqa waħda ħassejt riefnu ġej min-naħa tat-Tramuntana, u rajt sħaba kbira, imdawra bid-dija, u nar ileħħ il-ħin kollu minnha, u ġon-nar bħal bronż ileqq. F’nofsha kien hemm xbieha ta’ erba’ ħlejjaq ħajjin … U x-xbieha ta’ wiċċhom kienet wiċċ ta’ bniedem minn quddiem, u wiċċ ta’ ljun fuq il-lemin tagħhom l-erbgħa, u wiċċ ta’ għoġol fuq ix-xellug tagħhom l-erbgħa, u wiċċ ta’ ajkla fuq wara.

Eżekjel 1, 4-5. 10

F’kapitlu 10, Eżekjel jirreferi għal dawn il-ħlejjaq bħala kerubini u jispjega li fuqhom jistrieħ it-tron ta’ Alla. Dawn l-erba’ ħlejjaq nerġgħu niltaqgħu magħhom fl-Apokalissi, bid-differenza li kull waħda mill-ħlejjaq m’għandhiex l-erba’ wċuħ/personalitajiet imma għandha wiċċ wieħed mill-erbgħa:

Quddiem it-tron rajt ukoll bħal baħar tal-ħġieġ, qisu kristall, u f’nofs it-tron u madwaru erba’ Ħlejjaq Ħajjin, kollhom għajnejn minn quddiem u minn wara;  l-ewwel Ħliqa Ħajja donnha ljun, it-tieni Ħliqa Ħajja qisha għoġol, it-tielet Ħliqa Ħajja b’wiċċ ta’ bniedem, u r-raba’ Ħliqa donnha ajkla ttir.

Apokalissi 4, 6-7

Ir-rabta ta’ dawn il-ħlejjaq mal-Evanġelisti hija pjuttost bikrija fil-Knisja. L-ewwel referenza nsibuha f’San Irinew ta’ Lyon li jqabbel in-numru tal-Evanġelji kanoniċi man-numru ta’ dawn il-ħlejjaq, filwaqt li jqabbel kull figura ma’ aspett tal-personalità ta’ Kristu (ara Adver Haereses 3.11.8, PG 7.885).

Għalkemm biż-żmien bdew ukoll l-abbinazzjonijiet ta’ kull evanġelju ma’ kull ħlejqa jew wiċċ separat, jidher li kienet l-interpretazzjoni li jagħti San Ġrolmu li saret normattiva għall-espressjonijiet artistiċi u simboliċi mir-raba’ seklu ’l quddiem. San Ġrolmu jitlaq mill-mod kif jibdew l-erba’ Evanġelji sabiex jassenja kull ħlejqa:

L-ewwel wiċċ ta’ bniedem jirrappreżenta lil Mattew, li beda jikteb bħal donnu dwar bniedem: “Ktieb in-nisel ta’ Ġesù Kristu, bin David, bin Abraham” (Mt 1, 1). It-tieni Mark, li fih jinstema’ l-leħen ta’ ljun iħanġar fid-deżert: “Leħen ta’ wieħed jgħajjat fid-deżert: ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu” (Mk 1, 3). It-tielet l-għoġol, li juri minn qabel li l-Evanġelista Luqa beda b’Żakkarija l-qassis. Ir-raba’ Ġwanni l-Evanġelista, li ħa fuqu l-ġwienaħ tal-ajkla u ħaffef għal ħwejjeġ ogħla, tkellem dwar il-Verb ta’ Alla.” San Ġrolmu, Commentarium in Evangelium Mattaei, “Prologus,” PL 26:19BC

X’tara fil-mera meta tħares lejn wiċċek? Ħlejqa ħajja, jew il-mewt madwarek qed tisraq lewn wiċċek u d-dija ta’ għajnejk? X’inhi l-ewwel kelma li tlissen kuljum? Permezz tagħha tintagħraf b’dak li inti: iben jew bint ta’ Alla?