Saqajhom mal-Art u Ħarsithom ’il Fuq

It-Tieni Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Erba’ Evanġelisti, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

L-erba’ Ħlejjaq Ħajjin, kull waħda minnhom b’sitt ġwienaħ, rajthom kollhom għajnejn, kemm madwarhom u kemm minn ġewwa, lejl u nhar ma jieqfu qatt itennu: “Qaddis, Qaddis, Qaddis il-Mulej, Alla li jista’ kollox, li kien, u li hu, u li ġej.”

Apokalissi 4, 8

Wara li fl-aħħar riflessjoni rajna minn fejn ġejja l-abbinazzjoni tal-ħlejjaq ħajjin jew kerubini ma’ kull Evanġelista, illum sejrin inħarsu iktar lejn id-dinamika u l-moviment tal-karattri tax-xena.

Waħda mill-affarijiet tassew pekuljari hija li l-Evanġelisti mhux iħarsu ’l barra imma qed iħarsu lejn xi ħaġa ’l fuq minnhom. San Luqa u San Mark bl-għoġol u l-iljun rispettivament maġenbhom qed iħarsu ’l fuq lejn l-anġlu fuqhom li qed jakkumpanja lil San Mattew u li bħal donnu jissimbolizza l-ispirazzjoni divina ta’ dawn il-kitbiet u forsi wkoll lejn it-tradizzjoni antikissima li Mattew kien l-ewwel li kiteb u Mark u Luqa mxew fuqu. L-istudji kontemporanji juru mod ieħor, jiġifieri li l-eqdem Evanġelju hu dak ta’ San Mark u kienu San Mattew u San Luqa li użaw sorsi komuni flimkien mal-Evanġelju skont San Mark u s-sorsi tagħhom rispettivament sabiex jikkomponu l-Aħbar it-Tajba skont il-ħtiġijiet tal-komunitajiet differenti tagħhom.

Maqtugħ għalih waħdu, bħal donnu biex tidher ċara d-distinzjoni bejn l-Evanġelji msejħin sinottiċi (Mattew, Mark, u Luqa) u r-Raba’ Evanġelju, insibu lil Ġwanni. Anke f’dan il-każ San Ġwann huwa akkumpanjat mill-ajkla li qiegħda fl-istess livell tal-anġlu, u allura sservi wkoll bħala simbolu tal-ispirazzjoni divina. Interessanti li, filwaqt li t-tliet Evanġelisti l-oħra għandhom il-ktieb tal-Evanġelju f’idejhom, San Ġwann għandu kalċi b’serp ċkejken ħiereġ minnu. Dan is-simbolu hu marbut ma’ rakkont li nsibu fl-Atti ta’ Ġwanni, li jmur lura għat-tieni seklu u li fih insibu ġabra ta’ stejjer dwar dan il-qaddis. Skont il-leġġenda li nsibu f’dan id-dokument Ġwanni ġie sfidat jixrob kalċi bil-velenu biex juri l-qawwa tal-fidi tiegħu, u bis-setgħa ta’ Alla l-velenu ma għamel l-ebda ħsara lill-Appostlu.

X’inhu l-wiċċ tiegħek? Wiċċ uman li jfakkar fil-misteru ta’ Alla li jsir bniedem għalina? Wiċċ ta’ ljun li skont, leġġendi tad-dinja tal-qedem, jorqod b’għajnejh miftuħa bħala xbieha tal-qawwa u qawmien? Wiċċ ta’ għoġol għax ħajtek hija offerta kontinwa lil Alla u lil ħutek? Wiċċ ta’ ajkla li ma tehda qatt togħla ’l fuq lejn il-Mulej? Jew wiċċ ta’ serp jew oħra mill-bhejjem li nsibu fir-rakkonti apokalittiċi fil-Bibbja li, minkejja l-ħila tagħhom, il-qawwa tagħhom ġejja mill-ħażin? Minn fejn iġġib l-ispirazzjoni tiegħek? Mill-ħarsa ’l fuq b’saqajk sodi mal-art, jew b’ħarstek wisq lejn l-art filwaqt li saqajk ifittxu li jitilgħu l-iskaluni tas-soċjetà?