Morru għamlu dixxipli … Imxi warajja!

It-Tielet Riflessjoni dwar l-Arazz tal-Erba’ Evanġelisti, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”

Mattew 28, 18-20

Ħaġa li tolqotni f’dan l-arazz hija li l-figuri huma mexjin f’direzzjoni waħda. Meta dan l-arazz ikun imdendel f’postu, peress li jinsab fuq il-lemin tal-bieb ewlieni tal-Kon-Katidral jekk tħares min-naħa ta’ ġewwa, bi ftit immaġinazzjoni tista’ tistħajjel lill-Erba’ Evanġelisti mexjin lejn il-bieb sabiex joħorġu ’l barra … Forsi tiġbida, imma meta tqis in-natura tal-istess ġeneru letterarju tal-Evanġelju l-ħaġa tagħmel ħafna sens. L-Evanġelji Sinottiċi jagħlqu bil-mandat appostoliku ta’ Kristu kif jidher fis-silta mill-Evanġelju skont San Mattew imqiegħda bħala gwida għar-riflessjoni—dan jidher ukoll fl-ewwel kapitlu tal-Atti tal-Appostli—u bl-appostli li jitferrxu mal-art jew jistennew l-Ispirtu s-Santu sakemm jirċievu l-qawwa biex jagħmlu dan.

Fl-Evanġelju skont San Ġwann id-dinamika hija xi ftit differenti. Wara l-miraklu tal-qabda kbira ta’ ħut li wasslet lid-dixxiplu l-maħbub biex jagħraf lil Ġesù, u wara li Ġesù jgħarbel għal tliet darbiet lil Pietru dwar l-imħabba tiegħu bħal donnu biex jagħtih ċans jirrimedja għat-tliet ċaħdiet tiegħu, Ġesù jagħlaq bil-kmand: “Ejja warajja” (21, 19). U, filwaqt li d-djalogu ta’ Pietru u Ġesù jdur fuq id-dixxiplu l-maħbub, jekk inħarsu sew lejn id-dinamika, ninnutaw li dan isir waqt li Ġesù hu miexi b’Pietru warajh u d-dixxiplu l-maħbub ukoll jinsab miexi warajhom:

Pietru dar, u ra lid-dixxiplu li kien iħobb Ġesù miexi warajhom, dak id-dixxiplu li waqt l-ikla kien imtedd fuq sider Ġesù u qallu, ‘Mulej, min hu li se jittradik?’ Pietru, mela, kif ra lil dan, qal lil Ġesù: “U dan, Mulej, x’se jsir minnu?” Ġesù qallu: “Inti x’inhi affarik jekk jiena rridu jibqa’ sa ma niġi? Int imxi warajja!”

Ġwanni 21, 20-22

U din il-mixja għadha għaddejja għax hija l-aħħar azzjoni li nsibu f’dan l-Evanġelju qabel il-konklużjoni finali.

Fejn tinsab f’din il-mixja? Fi tmiem kull quddiesa ningħataw l-istess mandat appostoliku biex noħorġu fil-paċi ta’ Kristu sabiex inwasslu din il-paċi kull fejn inkunu. Imma spiss nippreferu ninħbew wara l-imrammi tal-privatezza illużorja jew wara l-iskuża tal-libertà tal-kuxjenza li iktar toħnoq milli tagħti ħelsien ġenwin. X’se tagħmel? Ġewwa ma tistax tibqa’ għax xħin isir il-ħin is-sagristan jagħlaq … Agħmel il-qalb: “Jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien” (Mt 28,20).