Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat u karkarhom warajh

Riflessjoni dwar l-Arazz ta’ Kristu Salvatur tad-Dinja, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu:

Ħafrilna dnubietna kollha.

Ħassar il-kont tad-dejn li kellna

bl-obbligi li kien hemm kontrina;

neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

Neżża’ l-Prinċipati u s-Setgħat,

u għamel wirja minnhom quddiem

id-dinja, u karkarhom warajh fit-trijonf tiegħu bi Kristu. Kolossin 2, 13-15

Hekk kif ninsabu fi tmiem is-sena liturġika li fl-aħħar Ħadd tagħha l-Knisja tiċċelebra s-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu, jixraq li nikkontemplaw ix-xbieha ta’ Ġesù s-Salvatur tad-Dinja kif inhi rrappreżentata f’wieħed mill-arazzi d-dojoq tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann li jiddendel proprju eżatt mal-pilastru fejn illum hemm il-Katedra tal-Isqof. F’riflessjoni preċedenti diġà tkellimna dwar it-tifsira tal-katedra (Il-Katedra, il-Fidi u l-Imħabba). Għalhekk se ngħaddu mill-ewwel għall-figura ta’ Kristu.

Simili għall-figuri l-oħrajn tal-Appostli u ta’ Marija Santissima, il-figura ta’ Kristu qed isserraħ fuq speċi ta’ xkaffa mserrħa fuq skroll. Minn dan l-iskroll joħroġ motiv floreali fuq kull naħa li jieqaf fit-tarf l-ieħor tal-iskroll li fuqu nsibu l-arma tal-Gran Mastru Aragoniż Ramon Rabasa de Perellós y Rocafull li kkummissjoni dawn l-arazzi. Tipika tal-armi tal-Gran Mastri, fuq l-iskudett insibu l-kuruna u mdendel naraw ukoll is-salib bit-tmien ponot.

Mill-banda l-oħra, il-figura ta’ Kristu hija pjuttost fuq linja sempliċi, bħal donnha xi statwa. L-ikonografija hija tipika tas-Salvator Mundi, jiġifieri Kristu li b’idu x-xellugija qed iżomm il-globu tad-dinja mlibbes b’dijadema f’għamla ta’ kuruna li fuq il-quċċata tagħha għandha s-salib—il-mezz li bih waslitilna s-salvazzjoni—u b’idu l-leminija—bis-saba’ ż-żgħir u dak taċ-ċurkett magħluqin, u l-fustani, il-werrej, u l-kbir iservu ta’ simbolu tat-Trinità—qiegħed ibierek.

Imma dan il-kuntrast juri t-tentazzjoni ta’ dik li l-Papa Franġisku, waqt laqgħa mal-Komunità tal-Kulleġġ Pontifiċju Messikan nhar id-29 ta’ Marzu 2021, isejħilha l-mundanità spiritwali, jiġifieri t-tentazzjoni li ngħixu l-ħajja spiritwali tagħna skont il-prinċipji tad-dinja—u allura ma tibqa’ spiritwali xejn. Din l-osservazzjoni tistedinna biex niffukaw fuq dak li hu tassew essenzjali—ir-rabta ma’ Kristu—li jibqa’ wieqaf u stabbli minkejja li d-dinja tibqa’ ddur.

Filwaqt li, quddiem din il-figura godlija imma fl-istess ħin sempliċi ta’ Kristu, itlob għall-mexxejja ta’ pajjiżna sabiex jaddottaw stil ta’ qadi fit-tħaddim tal-fiduċja li ċ-ċittadini fdawhom biha. Fl-istess waqt, sew jekk blu u sew jekk aħmar jew kulur ieħor, ħalli qalbek tistrieħ fuq din iċ-ċertezza waħdanija: “Fid-dinja tbatu jkollkom. Iżda agħmlu l-qalb: jiena rbaħt id-dinja!” (Ġw 16, 33).