L-Istennija għat-Tweġiba
L-Ewwel Riflessjoni dwar il-Kwadru tat-Tħabbira tal-Mulej fil-Katidral tal-Imdina
Verġni Marija, issa smajtha l-aħbar: int se tnissel u jkollok iben; u smajt ukoll li dan mhux se jsir permezz ta’ bniedem imma bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu. U issa l-Anġlu qiegħed jistenniek twieġeb għax wasallu l-ħin li jerġa’ jitla’ għand Alla li bagħtu. U aħna wkoll, Sidtna Marija, qegħdin nistennewk tħenn għalina u titkellem għax is-sentenza tal-kundanna qiegħda tagħfas fuqna l-imsejknin.
San Bernard, Omeliji fuq it-Tifħir tal-Verġni Marija, 4.8
Bħala ikona għall-kontemplazzjoni tagħna f’dan iż-żmien qaddis tal-Avvent ser inpoġġu quddiemna l-pittura tat-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija li nsibu fuq l-altar tal-kappellun tax-xellug fil-Katidral tal-Imdina. Ir-rappreżentazzjoni li l-artist minn Perugia, Domenico Bruschi (1840-1910), jagħmel ta’ din ix-xena kienet pjuttost innovattiva għal Malta. Nistgħu ngħidu li x-xena hija maqsuma fi tnejn: is-sema u l-art, bil-parti ta’ fuq tkun pjuttost movimentata f’kuntrast mal-istatiċità tal-parti ta’ isfel. L-anġlu, imlibbes bi star ta’ kwiekeb, imserraħ sod fuq l-art u fl-istess waqt b’rasu fid-dehra tas-sema jservi ta’ pont bejniethom, b’ħarstu fissa fuq Marija qiegħed jistenna t-tweġiba tagħha.
U proprju f’din l-istennija hemm il-misteru tar-rispett kbir li Alla għandu lejn il-libertà tagħna hekk li lest jistenna: mhuwiex lest li jgħaffeġ fuqna sabiex titwettaq ir-rieda tiegħu, ukoll jekk it-tweġiba umana hemm possibbiltà li tkun fin-negattiv; mhuwiex lest li jreġġa’ lura d-don tal-libertà, ukoll jekk aħna stess kultant nippreferu niċħduh. Imma hija din l-istess libertà tagħna li tiftaħna għal dak li jmur lil hinn mid-dinja li naraw. Hija l-libertà li tiftaħna għall-misteru ta’ Alla.
Fid-dinja mgħaġġla li fiha qegħdin ngħixu, spiss m’aħniex lesti nistennew it-tweġiba ta’ ħaddieħor. Insibuha iktar faċli li nieħdu r-riedni f’idejna. Filwaqt li l-passività mhijiex tweġiba nisranija, dan iż-żmien tal-Avvent ifakkarni li b’umiltà jeħtieġ nieqaf u nistenna lill-ieħor, li nagħti wisa’ għal-libertà tal-ieħor, li ma noħnoqx fl-ieħor il-ħidma ta’ Alla li tieħu fit-tul.