It-Tielet Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara, Knisja tal-Kapuċċini, il-Kalkara
Libbistek il-brukkat u xeddejtlek sandli tad-delfin, dawwartek bl-għażel u ksejtek bil-ħarir.
Eżekjel 16, 10
F’din it-tielet riflessjoni tagħna dwar dan il-kwadru li tpitter mill-Kavallier Agostino Masucci fl-1739, ser nitfgħu l-ħarsa tagħna fuq il-figura ta’ Santa Barbara qed tirċievi l-martirju minn idejn missierha wara li skopra li tgħammdet meta hu kien ’il bogħod mid-dar.
L-ilbies tagħha jixhed l-għana tal-familja tagħha imma wkoll tistħajjilha liebsa tat-tieġ, donnha għarusa li fil-martirju hija mħejjija għall-Għarus tagħha. Missierha, imlibbes b’uniformi ta’ uffiċjal Ruman, qed joħroġ ix-xabla mil-lant tagħha lest biex jaqtagħlha rasha biha, imma l-qalb tagħha diġà hi minfuda bl-imħabba. Anke l-ħarsa tagħha hija merfugħa ’l fuq u tifforma linja vertikali mas-Sultana tal-Verġni bl-Imgħallem ċkejken f’idejha. U s-sħaba li tifforma l-isfond tal-pittura minn wara Santa Barbara u jifforma tron għal Marija u Ġesù jixhed li s-sema diġà hi miftuħ għaliha. Fuq is-sħab jidher ukoll anġlu jħares ’l isfel u f’idejh għandu l-palma tal-martri u l-kuruna tal-verġni għarajjes ta’ Kristu.
Lejn tmiem il-missjoni tiegħu li jxandar il-bxara t-tajba, Ġesù numru ta’ drabi jenfasizza li jeħtieġ inkunu lesti għall-mument tal-laqgħa miegħu. Bil-ħarsa kontinwament lejn is-sema, kull missjoni nisranija biex tkun tassew lesta jeħtieġ li, skont l-istat partikolari, tkun immarkata mill-palma tax-xhieda u mill-kuruna tas-safa. F’dinja li ta’ trid tisma’ b’waħda u lanqas bl-oħra, qed ninġarr mill-kurrent jew għadni nfittex li nissara biex nikseb dak li għalih imsejjaħ?