Il-Ħniena li ddawwarna bħal Baħar

Ir-Raba’ Riflessjoni dwar l-ikona ta’ Sidna Marija ta’ Damasku

Fik ittamaw missirijietna,

fik ittamaw, u inti ħlisthom.

Lejk għajtu, u inti ħlisthom;

fik ittamaw u ma tfixklux.

Salm 22, 5-6

L-oriġini tal-ikona mhuwiex magħruf imma hemm leġġenda li tirrakkonta kif din ġiet f’idejn il-Kavallieri. Jingħad li ħafna snin wara li Damasku saret ħerba mill-attakki ta’ Tamerlan u l-qawwiet tiegħu—invażjoni li ġabet ħerba sħiħa u profanazzjoni—din l-ikona dehret fil-wiċċ tal-baħar imdawra b’dawl ta’ qawwa mhux tas-soltu. Xi baħħara raw din id-dehra tal-għaġeb u, kollhom kurżità, imxew warajha sakemm waslet max-xatt tal-gżira ta’ Rodi.

Meta din il-ġrajja waslet f’widnejn il-Gran Mastru Giovanni Battista degli Orsini (1415-1476), hu mar fuq il-post u, xħin ħares lejn l-ikona, kollu mistagħġeb għarafha bħala Sidtna Marija ta’ Damasku. Ix-xbieha mbagħad ittieħdet proċessjonalment fil-knisja konventwali.

Din il-leġġenda bħal ħafna oħrajn tat tama li tiddi bħax-xemx f’nofs il-jum, kif ra Sawlu fi triqtu lejn Damasku xħin safa’ mwaqqa’ u muri l-verità u mdewwaq l-imħabba vera. Imma l-fiduċja f’Ommna Marija ta’ Damasku baqgħet hi stess ta’ salvazzjoni fit-tiġrib. Fil-fatt, waqt li l-armata Torka kienet qed issalpa minn pajjiżna, kien fuq it-tarġiet tal-altar fejn kienet meqjuma din ix-xbieha ta’ Marija li l-Gran Mastru Jean Parisot de La Valette serraħ ix-xabla u l-kappell tiegħu bħala offerta.

B’din l-ikona, il-Kavallieri ta’ San Ġwann ġarrbu l-ħniena ta’ Alla ddawwarhom bħal baħar kull meta sabu ruħhom ’il bogħod mill-art fejn twieldu. Inti wkoll, tinsab fejn tinsab, fik hemm minquxa x-xbieha ta’ Alla li ismu hu ‘Ħniena’. Ħalli din l-aħbar it-tajba tferħek u thennik.