Il-Ħniena tal-Verità

It-Tielet Riflessjoni dwar l-ikona ta’ Sidna Marija ta’ Damasku

Qisu li ħadd ma ijassarkom b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skont dak li hu ġej mill-bnedmin, skont il-prinċipji tad-dinja u mhux ta’ Kristu. Fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem; u intom, magħqudin kif intom miegħu, għandkom sehem mill-milja tiegħu, hu li hu r-Ras tal-Prinċipati u tas-Setgħat kollha.

Kolossin 2, 8-10

Filwaqt li l-ħarsa ta’ Ġesù hija lejn Ommu, il-Ħanina, il-ħarsa ta’ Marija hija ’l barra lejk li tinsab wieqaf quddiema. U, filwaqt li b’idha tax-xellug qed iżomm lil Ġesù Bambin, idha l-leminija hija miftuħa u tipponta lejn Binha, bħal donna qed tgħid, ‘Ħarsu lejh, għax hawn tinsab il-Verità.’ Marija tesprimi l-ħniena tagħha billi turi l-verità. Il-ħarsa ta’ Marija hija umli imma fl-istess ħin mhijiex mistħija, sentiment li tesprimih fl-għanja ta’ tifħir u radd il-ħajr li tgħanni lill-Mulej, meta tgħid:

għax hu xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu.

Iva, minn issa ’l quddiem kull nisel isejjaħli hienja.

Lq 1, 48

Il-Ħniena mhijiex mifruda mill-Verità, anzi proprju toħroġ minnha. M’hemmx ħniena mingħajr il-Verità ta’ Ġesù Kristu, u m’hemmx espressjoni bi mħabba tal-verità mingħajr ħniena. Il-ħniena mhijiex tħassir imma hija turija tat-triq tas-salvazzjoni.

Din id-dehra ta’ Marija hija mħarsa minn żewġ Arkanġli: Mikiel, li mexxa t-taqtigħa fis-sema kontra Luċifru, u Gabrijel, ħabbar tal-ogħla u l-oħla messaġġ li qatt seta’ jitħabbar—it-tnejn li huma wkoll żewġ aspetti tal-ħniena ta’ Alla għax l-ħniena ta’ Alla ma taċċettax dak li hu ħażin filwaqt li tibqa’ tiftaħ toroq għall-bniedem biex ma jibqax maqbud fil-ħażin.

“‘Mela anqas jien ma nikkundannak,’ qalilha Ġesù. ‘Mur, u mil-llum ’il quddiem tidnibx iżjed’” (Ġw 8, 11). Ħalli l-ħarsa ta’ Marija tinfidlek qalbek bid-dawl tal-verità ta’ Binha sabiex inti wkoll iġġarrab il-ħlewwa tal-ħniena.