Ikona tal-Inkarnazzjoni u tal-Ħniena

It-Tieni Riflessjoni dwar l-ikona ta’ Sidna Marija ta’ Damasku

Sliem għalik, Sultana, omm tal-ħniena, ħajja, ħlewwa u tama tagħna, sliem għalik. Lilek ingħajtu, aħna, turufnati, ulied Eva. Lilek nitniehdu, aħna li nibku u nolfqu f’dan il-wied tad-dmugħ.

Inħarsu ftit lejn uħud mid-dettalji tax-xbieha tal-Madonna ta’ Damasku. Il-mant tal-Madonna hu ta’ lewn iċ-ċiras skur, u hu mmarkat bi tliet kwiekeb, waħda fuq kull spalla u l-oħra fuq rasha, simbolu tal-verġinità tagħha qabel, waqt u wara t-twelid. It-tunika tagħha, li minnha jidhru biss il-kmiem, hija ta’ lewn ikħal skur, il-kulur li jfakkar fit-traxxendenza. Il-faxxa ħamra ma’ qadd Ġesù, li “fih hemm tgħammar il-milja sħiħa tad-divinità fil-ġisem” (Kol 2, 9), turina li din l-ikona mhijiex primarjament xbieha tal-Madonna imma hija ikona tal-inkarnazzjoni: l-għaqda ta’ dak li hu divin ma’ dak li hu uman, dak li hu tas-sema ma’ dak li hu tal-art, it-twaħħid tal-Verġinità u l-Maternità.

Ikonografikament, din l-ikona hija tat-tip imsejħa Eleousa, il-Ħanina. Din it-tip ta’ ikona tiddistingwi ruħha mill-pożizzjoni tal-Madonna u t-tarbija Ġesù hekk qrib ta’ xulxin. Il-Bambin jidher qed idawwar idejh it-tnejn ma’ għonq Ommu, bħal donnu ggranfat magħha, filwaqt li l-uċuħ tagħhom it-tnejn imissu ma’ xulxin. F’din it-tgħanniqa hekk mill-qrib tat-Theotokos (litteralment, dik li nisslet lil Alla) u tal-Iben Divin tagħha hemm il-misteru tat-tgħanniqa tal-umanità minn Alla u tal-possibbiltà li l-umanità tħaddan lil Alla.

Alla esprima l-ħniena tiegħu mhux billi baqa’ ’l bogħod imma billi resaq qrib, hekk qrib li sar wieħed minna. Hemm dan is-sentiment ta’ ħniena ġenwina fik, ħniena li ma tibqax ’il bogħod imma tersaq qrib?