Minn Rodi għal Malta

L-Ewwel Riflessjoni dwar l-ikona ta’ Sidna Marija ta’ Damasku

Il-Mulej hu dak li jħarsek;

il-Mulej hu d-dell tiegħek fuq lemintek.

Ma tolqtokx ix-xemx binhar,

anqas il-qamar billejl.

Iħarsek il-Mulej minn kull deni;

hu jħarislek ħajtek.

Il-Mulej iħarsek fil-ħruġ u d-dħul tiegħek,

minn issa u għal dejjem.

Salm 121, 5-8

Bi tħejjija għall-miġja tal-Papa Franġisku f’Malta ser inkunu qed niffukaw fuq l-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku meqjuma fil-Knisja tal-Griegi Kattoliċi, il-Belt Valletta. L-ikona tmur lura għall-ħdax jew tnax-il seklu u hija ta’ qies pjuttost kbir (147.5 x 102.5 ċm). L-istudjuż magħruf tal-arti Biżantina, David Talbot Rice, mill-Università ta’ Edinburgu, jiddeskrivi l-ikona ta’ Sidtna Marija ta’ Damasku bħala “oġġett ta’ sbuħija u ta’ importanza storika liema bħalha, minbarra li hija espressjoni ta’ fidi.”

L-istorja ta’ din l-ikona hija marbuta b’mod mill-iktar intimu mal-ġrajja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann. Fil-fatt, din l-ikona nġiebet Malta fl-1530 meta l-Kavallieri sabu l-kenn tagħhom hawn wara li tkeċċew minn Rodi mit-Torok fl-1523. Hija vvjaġġat magħhom minn port għal port—Candia, Messina, Civitavecchia, Ruma u Viterbo. Meta waslu Malta, il-Kavallieri stazzjonaw ruħhom il-Birgu, u l-Gran Mastru Villiers de l’Isle Adam poġġa din l-ikona fil-Knisja ta’ Santa Katerina.

Din il-ġrajja tal-ikona tfakkarna fl-akkumpanjament ta’ Marija fit-terrieq tagħna. Agħraf li fil-vjaġġi tiegħek minn port għal ieħor tal-ħajja, miegħek hemm din l-Omm tal-Ħniena li tħarsek mhux mill-bogħod imma billi timxi miegħek.