It-Tliet Twieqi

It-Tieni Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara, Knisja tal-Kapuċċini, il-Kalkara

Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala’ mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta’ Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama’ leħen jgħid: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.”

Mattew 3, 16-17

Fir-riflessjoni tagħna llum ser inħarsu ftit lejn ir-rakkont tal-ħajja ta’ Santa Barbara skont kif imwassal lilna mit-tradizzjoni.

Skont il-Leġenda tad-Deheb, Barbara kienet bint pagan għani jismu Djoskoru u għexet fi żmien il-ħakma tal-Imperatur Massiminjanu (286–305 WK). Barbara tant kienet sabiħa li missierha bnielha torri biex tkun imħarsa tajjeb fih. Ħafna prinċpijiet talbu lil missierha biex jiżżewġuha iżda hi ma riditx. Missierha ta ordnijiet biex jibena banju privat għaliha u telaq fuq vjaġġ ’il bogħod. Fl-assenza ta’ missierha, Barbara marret tosserva x-xogħlijiet u nnutat li l-binja kien ser ikollha biss żewġ twieqi. Għaldaqstant, hi ordnatilhom biex jagħmlu tliet twieqi minnflok. L-għan tagħha kien li dak il-post isir imkien qaddis fejn hi setgħet titgħammed fl-isem tat-Trinità Qaddisa. Hemmhekk ukoll seħħew ħafna mirakli ta’ fejqan. Bħal donnu dak l-ilma sar bħall-menqa ta’ Silwam.

Il-pittura li nsibu fil-Knisja tal-Kapuċċini, il-Kalkara, tgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ elementi tal-leġenda, it-torri u l-banju, hekk li naraw torri bi tliet twieqi (waħda mit-twieqi hi mgħottija mill-bordura tal-inkwatru). Il-bini tat-torri tagħha ma kienx b’suppervja bħal fil-ġrajja tat-torri ta’ Babel, fejn il-bneidem ried jilħaq is-sema biex jieħu post Alla. It-torri ta’ Santa Barbara kien torri li jistqarr it-twemmin f’Alla bħala Trinità. Kien torri li jilħaq fil-għoli mhux biex jaħtaf imma biex jikkontempla l-misteru ta’ Alla.

Il-binja tal-ħajja tiegħi hija sforz biex jidhru l-kisbiet tiegħi jew kull kantun, kull ġrajja u esperjenza, huma stqarrija fis-setgħa ta’ Alla li jagħmel ħwejjeġ kbar?