Ħolma li tibni

L-Ewwel Riflessjoni dwar il-kwadru tal-Martirju ta’ Santa Barbara, Knisja tal-Kapuċċini, il-Kalkara

Wara dan, jiġri

li jiena nsawwab l-Ispirtu tiegħi fuq il-ħlejjaq kollha.

Uliedkom iħabbru, subien u bniet,

ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm,

iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet.

Ġoel 3, 1

Ukoll jekk hi magħrufa b’titli differenti, it-titular tal-Knisja tal-Patrijiet Kapuċċini tal-Kalkara jirrappreżenta l-martirju ta’ Santa Barbara. Din id-dedikazzjoni partikolari tal-Knisja għandha storja interessanti.

Il-Kapuċċini kellhom il-ħsieb li jibnu kunvent ġdid f’Malta. Għaldaqstant, żewġ patrijiet marru għand in-nobbli Ġużeppi Abela minn Ħal Tarxien biex jitolbuh l-għajnuna. Meta waslu għandu dan laqagħhom u wrihom li kien diġà jaf x’ser jitolbuh; ma kienx ser jgħinhom bi flus imma b’għotja ta’ art fl-inħawi tal-Forti Salvatur (illum il-Kalkara). Il-patrijiet baqgħu mistagħġba, imma n-nobbli fissrilhom kif il-lejl ta’ qabel f’ħolma ra tnejn minn zijietu li kienu daħlu mal-Kapuċċini u li dawn amrulu li jagħti sehem tal-oqsma li suppost mess lilhom mill-ġdid tal-familja sabiex ikun jista’ jinbena dan il-kunvent. Waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-att tad-donazzjoni kienet li l-knisja tal-kunvent għandha tkun iddedikata lil Santa Barbara, Verġni u Martri, bħala tifkira ta’ omm is-Sur Abela li kien jisimha Barbara.

Il-ħolm tiegħi huwa miftuħ għal dak li jrid ilemmaħni bih Alla? Hemm wisa’ għall-ġenerożità u r-rikonoxxenza?