L-Elmu tas-Salvazzjoni u l-Kurazza tal-Fidi

Ir-Raba’ Riflesjsoni dwar il-Konverżjoni ta’ San Pawl, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Ladarba aħna wlied il-jum, ejjew ngħixu bil-qjies, nilbsu l-kurazza tal-fidi u l-imħabba, u l-elmu tat-tama tas-salvazzjoni. Għax Alla ma għażilniex għall-għadab, imma biex niksbu s-salvazzjoni permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu, li miet għalina, sabiex sew jekk inkunu nishru u sew jekk inkunu rieqda meta jiġi, ngħixu ħaġa waħda miegħu.

1 Tessalonikin 5, 8-10

Dan ix-xogħol ta’ Preti li tlesta fl-1668 fih numru ta’ dettalji oħra interessanti. Jekk ikollna niffukaw mill-ġdid fuq il-figura ta’ Sawl, nindunaw li hu liebes ta’ suldat Ruman. Dan id-dettall artistiku komuni ħafna fir-rappreżentazzjonijiet ta’ din ix-xena ftit li xejn jaqbel mad-deskrizzjoni tal-Atti tal-Appostli li tippreżentalna lil Sawl bħala l-mibgħut tal-mexxejja Lhud f’Ġerusalemm. Imma huwa dettall mal-istqarrija li nsibu fl-istess Atti tal-Appostli li Pawlu kien ċittadin Ruman.

Meta jisfa’ mixħut mal-art mid-dawl qawwi tal-Mulej, minn fuq ras Sawl itir l-elmu u minn idejh ix-xabla u l-iskroll bir-referenza għas-sinagogi ta’ Damasku minn Ġerusalemm (ara Atti 9, 2). Nistgħu ngħidu li d-dehra tal-Mulej mhux biss għamietu imma wkoll żarmatu miċ-ċertezzi kollha tiegħu, minn dak kollu li kien jistkenn warajh biex jipproteġi ruħu u mir-rakkomandazzjonijiet tal-bnedmin li quddiem Alla qajla jiswew. Imma kien wara li ġie mneżża’ minn dan kollu li Pawlu seta’ jikteb lill-Knisja ta’ Efesu dak li wettaq hu b’mod personali:

Żommu sħiħ, mela, ħażżmu ġenbejkom bil-verità, ilbsu l-kurazza tal-ġustizzja, u xiddu riġlejkom bil-ħeġġa tal-Evanġelju tas-sliem; ħudu f’idejkom it-tarka tal-fidi; li biha tistgħu titfu l-vleġeġ kollha tan-nar tal-Ħażin; ilbsu l-elmu tas-salvazzjoni u aqbdu x-xabla tal-Ispirtu li hi l-kelma ta’ Alla.

Efesin 6, 14-17

Hemm xi elmu li qed tilbes sabiex il-Mulej ma jinfidx sal-ħsibijiet tiegħek? Hemm xi xabla ta’ kliem li tuża biex tiddefendi ruħek flok il-verità tal-Kelma ta’ Alla? Is-sigurtà tiegħek tfittixha minn dak li jgħid ħaddieħor fuqek jew mill-wegħda tas-salvazzjoni li ksibna fi Kristu?