Għoġbu jirrivelali lil Ibnu

It-Tielet Riflesjsoni dwar il-Konverżjoni ta’ San Pawl, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

F’ġisimna dejjem inġorru l-mewt ta’ Ġesù, biex f’ġisimna tidher ukoll il-ħajja ta’ Ġesù. Għax aħna, għad li qegħdin ngħixu, ninsabu dejjem mogħtija għall-mewt minħabba f’Ġesù biex il-ħajja ta’ Ġesù wkoll tkun tidher fil-ġisem tagħna li jmut.

2 Kor 4, 10-11

Il-parti ta’ fuq tal-pittura li nsibu fil-kappella tal-lingwa Franċiża hija ddominata mill-figura ta’ Kristu glorjuż, liebes l-abjad u l-ikħal, kważi kważi tista’ tistħajjilha l-istess xena li jara San Stiefnu qabel ma jingħata l-mewt (xena li għaliha Sawlu jixhed għaliha wkoll):

“Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla.”

Atti 7, 56

Mattia Preti jagħmel rappreżentazzjoni tipika ta’ Kristu Rxoxt bil-marki tal-pjagi. Huwa dettall li tassew jaqbel mal-istqarrija li Ġesù jagħmel lil Pawlu tal-identità tiegħu: “Jien Ġesù li int qiegħed tippersegwitah” (Atti 26, 15). Meta juri ruħu lil Pawlu, Kristu jitwaħħad mal-ġisem mistiku tiegħu huwa u jiġi mġarrab għall-istqarrija ta’ ismu. U din tant issir l-esperjenza ta’ Pawlu li lill-Kolossin ma jiddejjaqx jistqarrilhom:

Jien issa nifraħ bit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għaliex bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja.

Kol 1, 24

“Meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus …” (Gal 1, 15-16). Kristu wera ruħu u għadu juri ruħu lilek ukoll fit-triq tal-ħajja tiegħek. Fejn qiegħed tfittex li tagħrfu? Jista’ jkun li hemm bżonn ukoll tfittex li tiltaqa’ miegħu fil-ġrieħi tiegħek personali u f’dawk tal-Knisja?