Waqa’ fl-art

It-Tieni Riflesjsoni dwar il-Konverżjoni ta’ San Pawl, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Xi wħud fil-karrijiet, oħrajn fiż-żwiemel,

imma aħna f’isem il-Mulej Alla l-qawwa tagħna.

Huma jixxenglu u jaqgħu;

imma aħna b’saħħitna, weqfin fuq riġlejna.

Salm 20, 8-9

Fir-rakkont tal-Atti tal-Appostli tal-laqgħa ta’ Sawl ma’ Ġesù nsibu li

“Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?”

Atti 9, 3-4

Biex tkompli tenfasizza din it-tisbita, l-ikonografija nisranija mir-Rinaxximent ’il quddiem bdiet tinkludi fix-xena żiemel, bħal donnu talludi li Sawl kien riekeb fuqu huwa u sejjer il-belt—dettall li nsibuh anke f’din il-pittura ta’ Mattia Preti. Għalkemm fl-ebda rakkont bibliku ma jissemma ż-żiemel, imma fl-Iskrittura ż-żiemel, bħala bhima militari użata biex tiġbed il-karrijiet tal-gwerra, issir simbolu tal-kburija umana li teħodha kontra Alla. Il-liġi stess ta’ Alla mogħtija fil-ktieb tad-Dewteronomju kienet tipprojbixxi lis-slaten ta’ Iżrael milli jżommu għadd ta’ żwiemel u lanqas m’għandhom jibżgħu meta jaraw lil min ġej għalihom riekeb fuq iż-żwiemel (Dewt 17, 16; 20, 1).

Iż-żiemel isir raffigurazzjoni tal-kburija li minnha ġie mwaqqa’ fil-laqgħa ma’ Kristu. Waqa’ li ppermettietlu li jilqa’ lil Kristu mxandar lilu mill-Knisja f’Damasku. Waqa’ li ġġib magħha ukoll trasformazzjoni radikali:

“Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja”

Gal 6, 14

Inti u tinsab flimkien ma’ Pawlu u Kristu f’din it-triq tal-ħajja tiegħek, inżel minn fuq iż-żiemel tal-kburija tiegħek u poġġi l-fiduċja tiegħek mill-ġdid fi Kristu sabiex iwasslek għall-umiltà li tiftaħlek il-bieb biex tilqgħu aħjar.