Il-Ħitan ta’ Damasku

L-Ewwel Riflesjsoni dwar il-Konverżjoni ta’ San Pawl, Kon-Katidral ta’ San Ġwann

Ħa jkun hemm is-sliem ġewwa l-ħitan tiegħek,

u l-ġid fil-palazzi tiegħek!”

Minħabba ħuti u ħbiebi,

ħallini ngħidlek: “Is-sliem għalik!”

Minħabba f’dar il-Mulej, Alla tagħna,

nixtieq illi jkollok il-ġid.

Salm 122, 7-9

Hekk kif wasalna biex niċċelebraw żewġ festi Pawlini, ser inpoġġu taħt il-ħarsa tagħna l-pittura tal-Konverżjoni ta’ San Pawl li nsibu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, xogħol tal-artist ċelebri Mattia Preti. Id-direzzjoni tax-xena hija ċċentrata fuq il-figura ta’ Sawlu mxewlaħ mal-qiegħa tal-art fil-parti t’isfel. Il-bqija tal-figuri kollha qegħdin iħarsu lejh, donnhom ma jistgħux jifhmu eżatt x’ġara, u fuq il-figura ta’ Kristu Rxoxt ukoll iħares ’l isfel.

Fuq ix-xellug jidhru s-swar għoljin tal-belt ta’ Damasku, il-belt tal-ġiżimin; waħda mill-eqdem bliet tad-dinja li baqgħet kontinwament abitata. Belt li l-ġebel tagħha raw sekli għaddejjin minn fuqhom. Xehdu għall-arroganza ta’ armati rebbieħa u għal dmugħ il-mirbuħa; raw karwani bla għadd għaddew mill-bibien tagħha, iġorru għażel u inċens, ħwawar u kull xorta ta’ ġid mill-artijiet tal-Lvant imbiegħed lejn il-Mediterran. Il-ħitan tagħha huma wkoll donnhom qed iħarsu b’għaġeb lejn id-dehra ta’ dak ir-raġel kburi li safa’ msabbat mal-qiegħ.

Però Pawlu qiegħed iħares fil-vojt (għax safa’ mogħmi) fid-direzzjoni opposta. Dik it-tisbita biddlet id-direzzjoni tal-ħajja tiegħu fejn minn “dagħaj, persekutur u żeblieħi” tal-Mulej sar ministru tiegħu (1 Tim 1, 12-13).

Ħares lejn il-ħitan ta’ fejn tgħammar, fejn taħdem, kull fejn tkun. Huma wkoll jixhdu għad-dramm tal-ġrajja ta’ ħajtek li jingħex għall-kenn tagħhom. Filwaqt li trodd ħajr għalihom, irrifletti dwar xi ġrajja tixtieqhom li jirrakkuntaw: jekk hux il-ġrajja ta’ ġebel mejjet, episodji bla fejda, jew ta’ ħajja mgħixa għall-Mulej.