Meta fit-Triq Għajjien
It-Tieni Riflessjoni dwar il-Pittura ta’ Elija u l-Anġlu ta’ Francesco Zahra
Int li taf u tista’ kollox,
li titmagħna hawn f’dil-ħajja,
hemm agħmilna lkoll imsieħba,
f’għaqda waħda lkoll werrieta
mal-qtajjiet tal-qaddisin.Amen. Hallelujah.
Sekwenza tas-Solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù
Il-kompożizzjoni tal-pittura ta’ Elija u l-Anġlu (1 Slat 19, 1-8) ta’ Francesco Zahra hija waħda sempliċi, magħmula minn żewġ karattri totalment opposti. Fuq in-naħa tal-lemin tal-kwadru nsibu lil Elija mitluq għal ġenbu taħt is-siġra tal-ġummar. Persuntu hi mmarkata minn nuqqas ta’ moviment. Donnu għadu jqum minn raqda fonda. Idu x-xellugija hi merfugħa ’l fuq, jew b’għaġeb, jew, wisq probabbli, bl-apatija, bħal donnu qed ikeċċi l-anġlu ħa jerġa’ jieħu t-tieni nagħsa. L-ilwien ta’ ħwejġu jixbhu l-lewn kannella tal-art taħtu. Elija mitluq. Anke jekk bil-ġuħ, lanqas il-ftira fuq il-ġebel sħun għadu ma miss. Apatija u telqa. Bniedem li qata’ qalbu mill-ħajja.
Mhux l-istess l-anġlu. Il-panneġġi ta’ ħwejġu mlewna jtiru bil-moviment. Ġwenħajh miftuħin bħal donnu għadu kemm miss mal-art. Hemm moviment u dinamiċità li tikkuntrasta bil-kbir mat-telqa tal-karattru l-ieħor. B’subgħa wieħed, l-anġlu jipponta lejn il-ftira u l-ilma; bl-id l-oħra jindika li qed jibgħat lil Elija għall-vjaġġ. Donnu qiegħed ilissen il-kelmiet: “Qum u kul, inkella ma tkunx tiflaħ għall-mixja li fadallek,” jew inkella “Qum, kul; għax twila t-triq li fadallek” (skont il-verżjoni Latina: “surge comede grandis enim tibi restat via”).
Inti u tħares lejn il-pittura, poġġi lilek innifsek fiż-żarbun ta’ Elija. Ilkoll ninsabu mtaqqlin minn pandemija li mlietna b’ansjetà u tensjoni. Bħal Elija faċli nħossu l-piż tad-diżappunt, tat-telqa, tal-għeja jagħfas fuqna. Forsi bħalu wasalna biex missejna l-qiegħ u nistaqsu x’inhu l-punt tal-ħajja quddiem tant tbatija li nħabbtu wiċċna magħha kuljum. Ma’ dan forsi nżidu l-bruda u l-indifferenza spiritwali. “Fejn hu Alla f’dan kollu?” nistaqsu. Saħansitra quddiem is-sagru, nistgħu nagħmlu bħal Elija u ntajru l-anġli ’l bogħod minna. Aħjar in-ngħas tal-bruda milli naffaċċjaw il-problemi li qed iħabbtuna.
U quddiem din it-telqa tinxtamm ir-riħa tfuħ ta’ ftira moħmija li tneħħi l-ġuħ u ġarra ilma li tiffriska r-ruħ għatxana. “Isa! Qum u kul! Agħmel l-ewwel pass! Stejqer ħalli tkun tista’ tkompli l-vjaġġ tal-ħajja. Jien miegħek!”. Din l-istedina ssirilna kuljum. Il-ħobż ażżmu qiegħed hemm jistenniena fuq l-altar. Bħal oażi f’deżert ta’ diffikultajiet, agħmel tiegħek il-kliem ta’ dan l-innu:
Meta d-dalma tal-lejl
taqa’ fuqi, Mulej,
meta għajnejja jitqalu bid-dmugħ.Rit.:
Meta fl-hemm u fl-uġigħ
fuq spallejk nistrieħ,
żommli jdejja, Mulej, f’idejk.Meta waħdi f’tiġrib
nimxi t-triq tas-salib,
meta ħbiebi ma jagħrfunix. Rit.Meta fit-triq għajjien,
dawl ma nara mkien,
dawl ta’ ħajti kun int, Mulej. Rit.