Bil-Qima u l-Istagħġib

L-Ewwel Riflessjoni: Sant’Anna tikkontempla l-privileġġi tal-Verġni Marija, ta’ Francesco Zahra

Meta aħna nitolbu lill-Missier aħna nkunu f’għaqda miegħu u ma’ Ibnu, Ġesù Kristu (ara 1 Ġw 1,3). Hemm nagħrfuh u nagħrfuh bi stagħġib dejjem ġdid.

Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, par. 2781.

Hekk kif ninsabu bejn żewġ festi Marjani tant għeżież għalina l-Maltin—l-Assunta u l-Bambina—f’dawn il-ġimgħat ser indawru l-ħarsa tagħna fuq wieħed mill-kwadri li nsibu fil-kor tal-Kolleġjata ta’ Bormla, xogħol ta’ Francesco Zahra. Is-suġġett tal-pittura huwa wieħed immaġinarju u jirrappreżenta lil Sant’Anna li, flimkien ma’ San Ġwakkin, qed tikkontempla l-privileġġi tal-Verġni Marija. Fiċ-ċentru tax-xena nsibu proprju lil Sant’Anna u San Ġwakkin, il-ġenituri ta’ Marija, it-tnejn xi ftit jew wisq imdaħħlin fiż-żmien, kif jagħtina x’nifhmu x-xagħar griż ta’ San Ġwakkin u l-ħofor f’ħaddejn Sant’Anna (Ara L-Ismijiet ta’ Ġwakkin u Anna), li bil-ħarsa tagħhom ’il fuq lejn il-leġġiju fuq ix-xellug jiffurmaw il-linja djagonali li timmarka l-moviment ewlieni tal-kwadru. Sant’Anna għandha pożizzjoni miftuħa hija u tistagħġeb bil-kobor ta’ bintha, filwaqt li San Ġwakkin għandu jdejh magħqudin f’pożizzjoni ta’ talb. Kemm l-istagħġib u kif ukoll it-talb huma l-frott ta’ ħarsa kontemplattiva quddiem il-misteru ta’ kif jaħdem Alla, u t-tnejn iwasslu għall-qima (it-tnejn qegħdin għarkupptejhom) u t-tifħir (Anna qiegħda b’fommha miftuħ). Xi ftit jew wisq, hija l-istess attitudni li l-Evanġelista Luqa jattribwixxi lil Marija fir-rakkonti tat-twelid u t-tfulija ta’ Ġesù: “Marija, min-naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2, 19).

Inti u tikkontempla f’qagħda ta’ talb il-ġrajja tal-ħajja tiegħek u tqallibha bħal donnha ktieb li qed jinkiteb ftit ftit kuljum, stagħġeb b’dak li Alla għamel u għadu jagħmel, u ħalli dan l-istagħġib tiegħek ifur fit-tifħir u r-radd il-ħajr.